Għalissa qed jiġi rispettat ftehim għal waqfien mill-ġlied bejn Iżrael u l-militanti Palestinjani fil-Medda ta’ Gaza – bl-aħħar jiem ta’ ostilitajiet jieqfu bis-saħħa tal-Eġittu li intervjena bħala medjatur fil-kriżi.
Il-ftehim qed isegwi tlett ijiem ta’ vjolenza, b’Iżrael iwettaq sensiela ta’ attakki fuq il-militanti tal-Grupp Jihad Iżlamiku f’Gaza – u bil-militanti Palestinjani jisparaw ir-rokits lejn l-artijiet Iżraeljani.
Mietu talanqas 50 Palestinjan waqt l-aħħar ostilitajiet li kienu l-agħar mindu l-Iżraeljani u l-Palestinjani militanti kienu daħlu f’konflitt kbir li dam għal ħdax-il jum, f’Mejju tal-2021.
Fl-aħħar sigħat ukoll, l-Iżraeljani bdew ineħħu l-istat tal-assedju fuq il-Medda ta’ Gaza – fost il-movimenti mill-ġdid tal-fuel tanks lejn l-artijiet ikkontrollati mill-militanti.
Iżrael għadu jinsisti li l-aħħar attakki fuq il-militanti f’Gaza seħħew b’reazzjoni għat-theddid kontinwu mill-grupp Ġiħad Iżlamiku. Intant, il-vjolenza segwiet jiem ta’ tensjoni wara li t-truppi Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent kienu arrestaw kap ewlieni tal-istess Ġiħad.
Il-Ministeru tas-Saħħa f’Gaza, issa, ikkonferma li tilfu ħajjithom talanqas 15-il tfal fost l-aħħar attakki tal-Iżraeljani u, fi stqarrija, enfasizza li l-imwiet tal-għexieren tal-Palestinjani u l-mijiet tal-midruba f’Gaza ‘irriżultaw mill-aggressjoni u brutalità ta’ Iżrael’.
Min-naħa tiegħu, Iżrael qal li l-qawwiet tiegħu laqtu talanqas 170 mira ta’ interess għall-Ġiħad Iżlamiku – u meta fl-attakki nqatlu numru ta’ uffiċjali ewlenin tal-militanti. Dan waqt li l-ajruplani tal-gwerra Iżraeljani qerdu numru ta’ mini li kienu qed jintużaw għal skopijiet terroristiċi u ħażniet tal-armamenti tal-istess militanti.
Kelliema għall-Iżraeljani tennew ukoll li n-nisa ta’ uħud mill-‘kapijiet terroristiċi’ ukoll mietu fil-vjolenza lejn in-nofsinar ta’ Gaza u li ‘numru ta’ ċivili Palestinjani spiċċaw maqtula mill-isparar tal-militanti tal-Ġiħad Iżlamiku’.
Fl-istess ħin, l-Armata ta’ Iżrael qalet li pajjiżha għandu jinvestiga l-imwiet taċ-ċivili, inklużi t-tfal, u meta jidher li l-Iżraeljani ma tilfux persuna waħda waqt l-ostilitajiet.
Filwaqt li l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied kien qed jidħol fis-seħħ matul il-lejl tal-Ħadd u t-Tnejn, l-Iżraeljani kienu qegħdin jaħsbu biex jintensifikaw l-attakki fuq il-militanti tal-Ġiħad Iżlamiku f’Gaza. Dan wara li talaħħar kienu fetħu baraxx ġdid ta’ rokits fuq it-territorji ta’ Iżrael u baqgħu jisparawhom ‘anki fil-minuti ta’ wara d-deadline tal-ftehim’.
Sadanittant, l-Istati Uniti u n-Nazzjonijiet Uniti t-tnejn ħeġġew biex Iżrael u l-militanti Palestinjani jkomplu josservaw dan il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied.
//= $special ?>