Lokali

L-abbonamenti tal-mobile huma ferm aktar mill-popolazzjoni Maltija

Id-dinja qed taqleb mit-telefonati diretti mill-mobiles li konna modrrijin nużaw sa ftit ilu…għal telefonati permezz ta’ pjattaformi diġitali bħal Facebook Messenger u Whatsapp fost l-oħrajn.

Dan ħareġ minn data li ppubblikat l-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni li turi li l-użu in ġenerali tal-mobile f’pajjiżna żdied bi kważi 10% fuq is-sena li għaddiet.

Iżda ż-żieda hija dovuta primarjament għal użu ta’ roaming data aktar milli telefonati minn fuq il-mobile direttament… hekk kif wieħed ma jkunx qed iħallas flus żejda biex jagħmel telefonata fuq pjattaformi diġitali.

Filfatt l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena raw żieda qawwija ħafna fil-konsum ta’ mobile data – żieda ta’ kważi 51%, mill-iktar minn 698,000 abbonament ta’ mobiles f’pajjiżna.

Fl-istess waqt it-telefonati naqsu sew meta mqabbla mas-sena l-oħra.

Jidher li t-telefonati naqsu b’0.1% filwaqt li t-tul tat-telefonati tradizzjonali mill-mobile naqas b’2.5%… b’aktar u aktar abbonati qed jagħżlu li jċemplu iktar minn fuq pjattaformi diġitali bħal Facebook u WhatsApp.

Il-fatt li f’pajjiżna hawn kwazi 700,000 abbonament ma’ kumpanija tal-mobiles ifisser li hawn numru ta’ persuni li, għal xi raġuni jew oħra, għandhom aktar minn abbonament wieħed.

Mid-data tal-MCA jidher li n-nies jippreferu jagħmlu użu minn offerti speċjali billi jħalsu minn qabel għal pjan li joffri numru ta’ benefiċċji, inluż mobile data u telefonati b’xejn għal numri partikolari.

U hekk kif id-dinja reġgħet kompliet bil-ħajja li konna nafu qabel il-Covid, is-safar qed iwassal għal żieda sinnifikanti fl-użu tar-roaming data. Il-bidu ta’ din is-sena rat żieda ta’ 11% f’telefonati u żieda akbar ta’ 27% f’użu ta’ roaming data meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.