Lokali

L-abort fost it-temi li se jkunu diskussi

Din is-sena l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ ħareġ b’suġġetti impenjattivi għall-Parlament taż-żgħażagħ. Wara sentejn wieqaf minħabba l-pandemija t-Tnejn filgħodu saret it-tnedija ta’ din l-inizjattiva tant mistennija.

Il-Parlament taz-Zghazagh jiġi organizzat sabiex iż-żgħażagħ ikollhom l-opportunita’ li jesperjenzaw il-proċeduri bażiċi f’din l-għola istituzzjoni ta’ pajjiżna.

Qabel din is-seduta, jkun hemm diversi workshops sabiex il-parteċipanti jkunu jistgħu jaħdmu fuq ir-riżoluzzjonijiet għas-suġġett li jingħataw kif spjega ma’ Net News l-Uffiċjal Nazzjonali Bradley Cachia. Din is-sena dawk il-parteċipanti bejn it-13 u 17-il sena se jiddiskutu l-istazzjonijiet politiċi filwaqt li dawk ta’ bejn it-18-il sena u 30 sena se jiddiskutu l-abort.

Għas-seduta ta’ din is-sena se jkun hemm inizjattivi ġodda, fosthom Kumitat Konsultattiv li se jipprovdi mentoring għall-parteċipanti. U fl-aħħar ta’ dan l-avveniment dan l-istess kumitat se jagħti unuri skont il-ħidma tal-parteċipanti. Din is-sena se jkun hemm żewġ seduti differenti li se jitrattaw is-suġġetti magħżula.

Bradley Cachia qal ukoll li ħafna żgħażagħ ikunu xettiċi fuq jekk għandhomx jipparteċipaw minħabba li tidħol ukoll il-politika. Huwa jgħid li l-politika hija xi ħaġa nobbli u li ħadd m’għandu jibża’ li l-politika se tħammġu.

Għal din it-tnedija kien hemm preżenti d-Deputat Nazzjonalista Bernice Bonello li faħħret l-impenn ta’ dawn iż-żgħażagħ li jorganizzaw il-Parlament taż-żgħażagħ b’mod volontarju.

Din is-seduta se ssir fis-27 ta’ Settembru, u l-applikazzjonijiet jaghlqu nhar is-Sibt li ġej.