Internazzjonali

L-Iżraeljani u l-gruppi militanti tal-Palestina jwaqqfu l-attakki

Xaqq ta’ tama f’Gaza hekk kif daħal fis-seħħ fehim ta’ waqfien mill-ġlied bejn Iżrael u l-militanti Palestinjani.

Dan il-ftehim jidħol fis-seħħ wara tlett ijiem imdemmija li ħallew tal-anqas 43 persuna mejta u mijiet midruba.

Il-waqfa mill-attakki kien ikkonfermat kemm mill-Grupp Iżlamiku Palestinjan tal-Jihad kif ukoll mill-uffiċju tal-Prim Ministru Iżraeljan Yair Lapid.

Dawn l-aħħar jiem kienu l-aktar vjolenti fl-aħħar 15-il xahar.

Sa issa jidher li l-ftehim li jitniżżlu l-armamenti qed jinżamm għalkemm il-Militar Iżraeljan ammetta li attakka miri tal-Jihad f’Gaza bħala ritaljazzjoni għal xi missili li kienu għadhom kif ġew sparati ftit qabel il-ħin miftiehem li jitwaqqfu l-attakki.

L-offensivi ta’ din il-ġimgħa ħallew numru ta’ vittmi fosthom 15 li kienu tfal. Hu maħsub li l-midruba issa telgħu għal madwar 300.

Din kienet ukoll l-ewwel darba minn Mejju tas-sena li għaddiet, li l-Jihad attakka l-belt ta’ Jerusalem.