Sport Waterpolo

Ninsab kuntent li ż-żgħażagħ ta’ Sirens finalment għandhom futur – Marko Orlovic

(Ritratt: Joseph Galea)

Artiklu: Stewart Said

Ir-rebħa tas-Sibt li għadda fil-finali tat-Tazza Għaqda Ġurnalisti Sports ikkonfermat is-superjorità ta’ Sirens Mecca Marine fuq Exiles f’dawn l-aħħar sentejn. Rebħa li waslet wara li kellhom jegħlbu l-isfida denja li offrew Exiles.

Wieħed mill-imħuħ prinċipali ta’ dawn l-unuri hu l-kowċ Marko Orlovic. Is-Serb jinsab fit-tielet staġun tal-proġett ma’ Sirens. Orlovic ma għandu bżonn l-ebda introduzzjoni għax-xena lokali hekk kif mill-2015 sal-2019 mexxa lil San Ġiljan għar-rebħ ta’ 14-il unur fosthom darbtejn il-Kampjonat tas-Sajf. Is-sena l-oħra ma’ Sirens wassalhom għar-rebħ tal-kampjonat u n-knock-out tal-Ewwel Diviżjoni u b’hekk l-unur tas-Sibt hu s-17-il wieħed personali f’pajjiżna.

Minkejja dawn is-suċċessi, Marko Orlovic jinsab iffukat fuq l-iżvilupp tal-plejers ta’ Sirens, hekk kif it-tim minn San Pawl il-Baħar hu miżgħud biż-żgħażagħ. Fl-ewwel reazzjoni ma’ dan is-sit wara dawn is-suċċessi, Orlovic qal li “l-isport hu importanti biss x’se jkun il-futur u ninsab kuntent li dawn iż-żgħażagħ finalment għandhom futur. Wara s-sena l-oħra kien diffiċli ħafna biex nirkupraw iżda rnexxielna.”

Matul dan l-istaġun, Sirens offrew sfida kontra t-tliet timijiet il-kbar iżda batew biex juru l-istess prestazzjoni kontra timijiet tamparhom bħal Birżebbuġa u Exiles. Orlovic qal li l-età medja tat-tim hu anqas minn 21 sena u spjega kif kontra t-timijiet il-kbar ikollhom prestazzjonijiet tal-livell tagħhom minħabba li ma jkollhomx pressjoni.

“Nemmen li mis-sena d-dieħla, dawn il-plejers se jirnexxilhom jibdlu din ix-xejra għaliex il-futur definittivament qiegħed fuq in-naħa ta’ Sirens,” kompla Orlovic. Is-Serb spjega fil-qasir dak li ġralhom is-sena l-oħra. Hu rrimarka l-fatt li l-pixxina ma kinitx għadha lesta u kienu kostretti li jitħarrġu fil-Pixxina Nazzjonali qalb il-konġestjoni ta’ sessjonijiet u l-warming-up tat-timijiet qabel il-logħob.

Orlovic kompla li meta nħatar kowċ tal-klabb tliet snin ilu, il-pjan kien li jkollhom lill-gowlkiper Malti-Awstraljan Joseph Parnis li flimkien ma’ żewġ barranin, jgħinu lil dawn iż-żgħażagħ jiżviluppaw. Hu spjega li llum li għandhom il-faċilitajiet, it-tim tiegħu qed jitħarreġ kważi sagħtejn kuljum u d-differenza qed tidher. Għalhekk hu mistenni li l-progress fil-prestazzjonijiet ta’ Sirens ikomplu s-sena d-dieħla.