Lokali

Pellegrinaġġ bil-muturi f’Santa Marija

Il-parroċċi ta’ Ħad-Dingli u l-Imġarr qed jistiednu lis-sewwieqa tal-muturi sabiex nhar it-Tnejn 15 ta’ Awwissu jieħdu sehem f’pellegrinaġġ bil-mutur tagħhom mill-Imġarr għal Ħad-Dingli.

Din l-inizjattiva qed tittieħed għall-ħames darba minn żewġ parroċċi li huma ddedikati lil Marija Assunta fil-jum tal-festa tagħha li jkun ukoll jum ta’ btala pubblika.  

Is-sewwieqa tal-muturi huma mistiedna li jinġabru fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tal-Imġarr fid-9:30 a.m.  Il-pellegrinaġġ bil-muturi jitlaq fl-10:00 a.m. Meta l-pellegrinaġġ jasal fi tmiemu f’Ħad-Dingli se jsir it-tberik tal-muturi u s-sewwieqa jingħataw tifkira.  Is-sewwieqa jkunu jistgħu jieħdu sehem fil-quddiesa fil-Knisja ta’ Ħad-Dingli li tibda fil-11:00 a.m.

Din is-sena din l-inizjattiva se tkun ta’ għajnuna għal Hospice Malta li jinsabu fl-aħħar fażi tal-proġett St Michael Hospice. Din il-binja f’Santa Venera se tkun l-ewwel kumpless f’Malta fejn pazjenti morda bil-kanċer u mard ieħor jingħataw kura paljattiva b’xejn u servizzi ta’ appoġġ lill-qraba.