Lokali Qorti

Sid ta’ bar jgħid fil-Qorti li aggredixxa uffiċjali tal-Pulizija għax ħasibhom ħallelin

Raġel ammetta li aggredixxa uffiċjali tal-pulizija f’San Pawl il-Baħar, u qal lill-Qorti li żbalja meta ħaseb li ż-żewġ uffiċjali kienu l-persuni li aggrediwh b’sikkina ftit mumenti biss qabel biex jisirquh. Ludwig Muscat ta’ 44 sena wieġeb ħati ta’ akkużi li rreżista b’mod vjolenti żewġ uffiċjali tal-pulizija f’inċident li seħħ għall-ħabta tas-6am tal-1 ta’ Awwissu fi Triq Efesu, San Pawl il-Baħar.

L-Ispettur Matthew Galea qal lill-Maġistrat Charmaine Galea li dakinhar tal-inċident, kienu ntbagħtu uffiċjali tal-pulizija biex jinvestigaw rapporti ta’ argument vjolenti. Iżda meta l-pulizija waslu fil-bar, sid il-ħanut, Muscat, kien irreżista lill-pulizija, u wassal biex żewġ uffiċjali sofrew minn ġrieħi ħfief.

Muscat kien mixli li rreżista b’mod vjolenti liż-żewġ pulizija, li weġġa’ lit-tnejn li huma, li kien fis-sakra u li ma kienx kapaċi jieħu ħsieb tiegħu nniffsu f’post pubbliku u li kiser il-paċi pubblika. Mucat wieġeb ħati tal-akkużi. L-avukat difensur Rachel Tua spjegat lill-Qorti li l-klijent tagħha kien ta daqqa ta’ ħarta lill-uffiċjali tal-pulizija wara li ħasibhom li kienu l-individwi li kienu aggrediwh fil-bar tiegħu b’sikkina għaxar minuti biss qabel.

Hekk kif wieġeb għall-ħabta fil-bieb tiegħu, Muscat fetaħ u mill-ewwel ta daqqa ta’ ħarta lill-uffiċjali, għax ħaseb li l-aggressuri tiegħu kienu rritornaw, qalet l-avukat. Kemm il-pulizija kif ukoll l-allegati aggressuri tiegħu kienu lebsin l-iswed, hija spjegat. Il-Qorti, fid-dawl tal-ammissjoni tar-raġel, sabitu ħati u kkundannatu sitt xhur ħabs, sospiżi għal sena. Muscat ġie mmultat ukoll €4,000 u ordnat biex ma javviċinax lill-uffiċjali inkwistjoni.