Internazzjonali

Ukrajna: Ikomplu l-movimenti tal-vapuri bil-qamħ minn Odessa u Chernomorsk

Fl-aħħar sigħat, żewġ bastimenti oħra mgħobbijin bil-qmuħ telqu mill-portijiet tal-Ukrajna maġenb il-Baħar l-Iswed bħala parti minn ftehim li jinvolvi fost oħrajn lill-Ukreni, ir-Russja u t-Turkija ( bħala l-isponsor tal-ftehim).

Dan wara li, nhar il-Ħadd, erba’ bastimenti kienu telqu b’kunsinni simili mill-portijiet ta’ Odessa u Chornomorsk u fejn huma użaw rotta marittima partikulari skont il-ftehim li kien sponsorjat ukoll min-Nazzjonijiet Uniti.

Waqt li l-bastimenti qed jitilqu mill-portijiet Ukreni għall-ewwel darba f’diversi xhur, il-membri tal-Parlament fi Kiev, issa, qalu li l-Ukrajna qed tifhem il-ħtieġa li tikkoopera mar-Russja dwar l-esportazzjoni tal-qmuħ bħala impenn umanitarju.

L-istess kelliema qalu li l-Ukrajna tifhem ukoll il-ħtieġa li l-qmuħ ikunu trasportati lejn il-pajjiżi fejn miljuni ta’ nies huma dipendenti minn dan is-sors tal-ikel u biex in-nies innoċenti ma jbatux il-ġuh b’kaġun tal-gwerra fl-Ukrajna.

Fl-aħħar sigħat, wieħed mill-bastimenti – il-‘Polarnet’ li qed ibaħħar taħt il-bandiera Torka u li kien telaq mill-Ukrajna tlett ijiem ilu – wasal fil-port ta’ Derince, fit-Turkija. Il-bastiment kien qed iġorr mat-12,000 tunnellata ta’ qmuħ, bil-ħaddiema tal-port, jibdew minnufih bil-ħatt tal-kunsinna.