Lokali

“X’festa kien hawn dalgħodu ministru?”

Ma kull triq li tinfetaħ jew titwessa’.. il-Gvern jgħid li din se ssolvi l-problema dejjem tikber tat-traffiku.

Din il-ġimgħa il-Ministru Aaron Farrugia lissen dik li aktarx se tkun il-frażi li se jibqa’ mfakkar għaliha għal ħafna żmien.

Erba’ xhur wara li laħaq Ministru responsabbli mill-infrsastruttura ta’ pajjiżna, mistoqsi dwar il-kaos li qed jinħoloq minħabba l-ħafna xogħolijiet f’daqqa li qed isiru fit-toroq, Aaron Farrugia waħħal fil-festi.

Stqarrija li qanqlet baraxx ta’ reazzjonijiet… li mhux kollha nistgħu nirrapurtawhom fl-aħbarijiet.

Fost il-kummenti fuq Facebook… “x’festa kien hawn dalgħodu Ministru? Qas ħaqq il-kliem ħażin li qed iġġgħelu lin-nies jgħidu”.

“Jekk ma jkollniex bike lanes siguri, u trasport pubbliku effiċjenti se nibqgħu ngħixu infern fit-toroq”

Ħafna kienu dawk li kkritikaw lill-Ministru li hu maqtugħ mir-realtà, oħrajn qalulu: “int bis-serjetà?”.

Kritika wkoll għall-mod kif ħafna drabi qed jinqalgħu toroq u jitħallew maqlugħa għal ġimgħat jew xhur sħaħ.

Kien hemm min staqsa kif il-Ministru jista’ qatt iwaħħal fil-festi għat-trafiku ta’ filgħodu, u min fakkru li fix-xitwa ftit li xejn ikolna festi – u xorta jkollna t-traffiku.

Kritika wkoll għan-nuqqas ta’ ppjanar u loġika… il-faqar ta’ sinjali u l-fatt li s-sewwieqa qed idumu d-doppju tal-ħin biex jaslu minn post għall-ieħor.

Kien hemm minn ġibed l-attenzjoni dwar il-fatt li ż-żieda qawwija fil-popolazzjoni qed ikollha wkoll impatt fuq it-traffiku… u li allura l-ebda ammont ta’ flyovers u twessigħ ta’ toroq mhu se jsolvi l-problema.

“Għandna bżonn soluzzjonijiet ta’ vera. Ħadd mhu se jkun irid jibqa’ jgħix jew iżur lil dawn il-gżejjer”.
Kumment minnhom qal li jekk il-Ministru lanqas biss qed jara l-problema… aħseb w’ara kemm se jsolviha.

Minkejja li fl-aħħar ħames snin, is-sewwieqa Maltin u Għawdxin qattgħu iktar sigħat fit-traffiku minn qatt qabel minħabba numru ta’ fatturi, fosthom toroq magħluqa, toroq maqlugħa u devjazzjozonijiet tista’ tgħid kull ftit kantunieri… jidher li s-sitwazzjoni mhux se titjieb malajr hekk kif il-Gvern hu kommess li fis-sentejn li ġejjin jaqla’ tnejn minn kull tliet toroq f’pajjiżna.

Tags