Lokali

72 siegħa qabel jagħlaq il-ftehim, il-futur tal-ħaddiema tal-Air Malta jibqa’ inċert

72 siegħa qabel jagħlaq il-ftehim bejn il-Gvern u t-trade unions dwar il-ħaddiema tal-Air Malta, kollox jibqa’ inċert.

Il-futur ta’ mijiet ta’ ħaddiema tal-linja Nazzjonali tal-ajru għadu qed jiġi diskuss, hekk kif dak li kien imwiegħed mill-Gvern lill-unions sitt ġimgħat qabel l-elezzjoni baqa’ ma seħħx.

Skont il-ftehim, il-Gvern kellu jagħti impjieg alternattiv lill-577 ħaddiem tal-Air Malta li applikaw għall-iskema offruta mill-Gvern, bl-istess kundizzjonijiet u pagi li kellhom mal-linja Nazzjonali.

Dan kellu jiġri sat-12 t’Awwissu, jiġifieri sa tlett ijiem oħra.

Imma fl-aħħar ġimgħat, meta kien ċar li l-Gvern mhux se jilħaq jagħti lil-ħaddiema dak li wegħdhom, il-unions kellhom jerġgħu imorru lura biex jirrinegozzjaw, u sa issa għadu kollox fl-arja.

Hekk kif qalilna s-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja, it-Tlieta waranofsinhar, ir-risposti issa jridu jiġu mingħand il-Gvern u f’dan il-każ, mingħand il-Ministru tal-Finanzi, Clyde Caruana.

Hu qal li l-impjieg tal-ħaddiema hu garantit, iżda l-Gvern għad irid iwieġeb dwar l-iskemi tal-irtirar kmieni u l-irtirar volontarju.

Sadanittant, il-ħaddiema tal-Air Malta jibqgħu jistennew x’se jkun id-destin tagħhom.