Futbol Sport

Deċiż il-futur ta’ Valletta FC | Alex Fenech President u Victor Sciriha Ċermen tal-kumpanija li se tiffinanzja lill-klabb

B’seħħ immedjat, Valletta Football Club se jkollu kumpanija li se tkun qed tiffinanzjaħ u li bħala Ċermen tagħha se jkun hemm l-eks President tal-klabb, Victor Sciriha. It-tmexxija amministrattiva tal-klabb, fir-rwol ta’ President, se tkun f’idejn Alexander Fenech, li b’hekk se jkun qed jerġa’ jirritorna f’din il-kariga, wara li ftit anqas minn tliet xhur ilu, kien ħabbar ir-riżenja tiegħu mill-istess kariga ta’ President.


Dan kien deċiż illejla, waqt kontinwazzjoni tal-laqgħa ġenerali straordinarja ta’ Valletta Football Club, u li matulha kien hemm attendenza kbira mill-membri partitarji ta’ dan il-klabb. Dawk li tkelmu magħna ftit tal-ħin ilu, iddeskrivew din l-attendenza u l-interess li kien hemm mill-istess membri, bħala “fost l-akbar jekk mhux l-akbar” li qatt kien hemm f’dawn l-aħħar snin f’laqgħat ta’ dan it-tip organizzati mill-klabb tal-Belt Kapitali.


Waqt il-laqgħa tal-llum, il-membri riedu jivvutaw fuq id-direzzjoni futura li għandu jieħu l-klabb, bil-proposta mmresqa minn Sciriha u Fenech, kienet dik li l-klabb jibda jkun iffinanzjat minn kumpanija kummerċjali, bl-isem ta’ Valletta FC Holdings Ltd.


F’dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm membri li esprimew ix-xettiċiżmu tagħhom lejn din il-proposta u d-diskussjoni fi ħdan it-tmexxija tal-klabb kienet waħda imqanqla. Saħansitra, kif żvela Replay fil-ġimgħat li għaddew u anke llum stess, kien hemm membri tal-kumitat tal-istess klabb, u li kellhom rwol prominenti, li għażlu li ma jkomplux bil-ħidma tagħhom fl-amministrazzjoni ta’ Valletta Football Club.


Iżda dak li kien deċiż illum waqt din il-laqgħa ġenerali straordinarja ta’ Valletta Football Club, ċioé li l-klabb jibda jiġi ffinanzjat minn kumpanija, b’Fenech mill-ġdid President u Scricha Ċermen tal-imsemmi kumpanija, turi li l-membri taw vot b’saħħtu lil din il-proposta. Dan għaliex dawk li ma vvutawx ma’ dak li kienu qed jipproponu Fenech u Scricha kienu biss 11-il membru; b’żewġ membri vvutaw kontra u disgħa oħra astjenew.


B’dak li kien deċiż illejla mill-membri tal-klabb ta’ Valletta Football Club, ġie fit-tmiemu perjodu ta’ xejn anqas minn 12-il ġimgħa sħaħ, li kienu kkarateriżżati minn inċertezza kbira u spekulazzjonijiet bla preċident, dwar il-futur tal-klabb Belti. Matul dan iż-żmien kollu, il-klabb kien mingħajr President, wara r-riżenja ta’ Fenech nhar il-Ħadd, 15 ta’ Mejju li għadda. Madankollu, matul dan iż-żmien, l-eks Viċi President, Paul Spiteri refa’ r-responsabiltá tat-tmexxija b’mod temporanju, bħala l-uffiċjal l-aktar anzjan fi ħdan il-klabb ta’ Valletta Football Club.


Waqt l-istess laqgħa tal-llum, Spiteri ħabbar li kien qed jireżenja mill-kumitat ta’ Valletta FC wara 42 sena konsekuttivi, li matulhom HU kien dejjem parti minn kull kumitat li mexxa lil Valletta Football Club, sa mill-istaġun 1979/80.