Lokali Qorti

Fredrick Azzopardi jwieġeb mhux ħati; l-avukati jitolbu r-rekuża tal-maġistrat

Jgħidu li l-każ preskritt u magħluq

L-avukati ta’ Fredrick Azzopardi qed jitolbu għar-rekuża tal-Maġistrat Elaine Mercieca, u qed jargumentaw li l-każ huwa solvut għaliex multa marbuta miegħu kienet tħallset.

Huma qed jgħidu wkoll li l-każ hu preskritt għax għaddew aktar minn tlett xhur minn meta seħħ.

It-Tlieta filgħodu l-eks Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta tressaq il-Qorti akkużat li fl-2019 ordna li jitkomplew xogħolijiet f’Wied Qirda f’Ħaż-Żebbuġ minkejja li l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi ddikkjarat li x-xogħol kien qed jikser liġijiet għall-ħarsien tal-ambjent u waqqfet lill-kuntrattur milli jkompli għaddej.

F’awla 22 quddiem il-Maġistrat Elaine Mercieca, l-avukati ta’ Azzopardi argumentaw li l-każ kontra l-eks CEO hu bla bażi għax multa amministrattiva marbuta miegħu kienet tħallset, u għax huwa preskritt, jiġifieri minn meta seħħ il-każ sal-lum laħaq għadda ż-żmien mogħti il-liġi biex titieħħed azzjoni legali.

Huma talbu wkoll li l-maġistrat tirrekuża ruħha għaliex kienet l-istess Mercieca li semgħet il-każ kontra l-kuntrattur li għamel ix-xogħol f’Wied Qirda.

Il-Maġistrat waqqfet is-smigħ wara t-talbiet tad-difiża u l-kawża ġiet differita għas-27 ta’ Settembru fid-9.00am.

Anthony Camilleri, il-kuntrattur imqabbad minn Infrastructure Malta biex jagħmel ix-xogħolijiet, instab ħati li kiser ordni tal-Awtorità tal-Ambjet.

Waqt is-smigħ tal-każ kontrih hu xehed li kien propju Fredrick Azzopardi li ordnalu jinjora dak li kienet qalet l-ERA u jkompli biex xogħol.

L-ERA waqqfet ix-xogħol li kien qed isir f’Wied Qirda, Ħaż-Zebbuġ għax kien qed isir sfreġju fuq pjanti u siġar protetti bil-liġi, meta nqalgħu minn posthom u meta z-zona hi magħrufa bħala waħda sensttiva u ta’ valur ekoloġiku.

Infrastructure Malta kienet qed tagħmel xogħol fuq triq li twassal għal residenza privata.