L-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti qed tinsiti li b’mod immedjat għandha tiġi rriveduta s-sistema li biha tiġi kkalkulata l-COLA biex verament tirrifletti, b’mod reali, il-bidliet li għandhom isiru fid-dħul ta’ dawk l-aktar fil-bżonn, bħal persuni bi dħul baxx, il-pensjonanti, kif ukoll dawk il-gruppi soċjali l-oħra li qed jiffaċċjaw problemi biex jgħixu ħajja diċenti.
Fi stqarrija li fiha preżentat il-proposti tagħha għall-Budget tas-sena d-dieħla, l-Għaqda qalet illi huwa essenzjali li l-basket tal-COLA jkun aġġornat u jitqiesu l-ħtiġijiet differenti tal-persuni għaż-żminijiet tal-lum.
L-Għaqda tal-Pensjonanti preżentat b’kollox 21 proposta għall-Budget.
Fost l-oħrajn, l-għaqda qed tipproponi li kull pensjoni, ġejja minn fejn hi ġejja għandha tkun eżentata mit-taxxa.
Apparti minn hekk, l-għaqda qed tinsisti li il-mediċini li jeħtieġu dawk li għandhom biss dħul mill-pensjoni għandhom jingħataw kollha mingħajr ħlas, u mhux selezzjoni minnhom.
Qed tipproponi wkoll li l-liċenzja tas-sewqan għal karrozza waħda tkun b’xejn għal dawk l-anzjani kollha li jilħqu l-età tal-pensjoni.
//= $special ?>