Edukazzjoni Lokali

“Kienet deċiżjoni tqila u diffiċli li kellha tittieħed” – Ir-rettur tal-Kulleġġ San Albert

Jgħid li lil Mario Mallia kienet saritlu ċara li jekk ma kienx se jikjarifika ċertu affarijiet kien se jitkeċċa

“Tajnih diversi twissijiet lil Mario Mallia, sfortunatament kellna nieħdu deċiżjoni li ma kienet faċli xejn.”

Sostna dan ir-Rettur tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir, Patri Aaron Zahra meta f’intervista ma’ Net News saħaq l-issa eks surmast tal-iskola tad-Dumnikani, Mario Mallia, ma tkeċċiex minħabba l-policy inklussiva tiegħu…imma għax injora diversi twissijiet li sarulu.

 “L-issue hija kollha marbuta ma accountability, mhux marbuta ma inklużjoni imma bbażata fuq kontabilità. Diversi drabi il-bord tal-kulleġġ ġibed l-attenzjoni lil Mario Malia fuq ċertu affarijiet u jidher li dawn il-warnings ma bdewx iħallu frott sakemm imbgħad kellna nieħdu deċiżjoni li jintbgħat a final warning”

Huwa insista li t-twissijiet u l-pożizzjoni tat-tmexxija kienu ċari biżżejjed u għaldaqstant ma kienx hemm possibilità li jkun hemm triq oħra.

 “Aħna elenkajna kemm-il darba ġbidnilu l-attenzjoni u tlabnih ukoll, tajnih iċ-ċans jagħmel kjarifiċi u jġib l-affarijiet in line ma dak li kien qed jitlob il-bord u kellu ċ-ċans kollu biex dan jagħmilhom…sfortunatament dawn ma ġewx kjarifikati dawn l-affarijiet u kellu ċar u tond li jekk inti mhux se tikjarifika dawn l-affarijiet ma jkunx hemm triq oħra ħlief li jkun hemm it-tmiem tal-impjieg tiegħek bħala l-kap tal-iskola”

Patri Aaron Zahra saħaq li l-missjoni Dumnikana u l-istruttura b’mod ħolistika tagħha għandha tiġi rispettata.

“Ovjament irridu nżommu f’moħħna li l-Kulleġġ huwa l-missjoni tal-Ordni Dumnikan, ir-Rettur qiegħed hemm biex imexxi f’isem l-ordni u l-kuleġġ mhux biss il-binja imma mod holistiku l-kulleġġ kollu huwa tad-Dumnikani allura sfortunatament kellha tittieħed id-deċiżjoni tat-twaqqif tal-impjieg tas-Sur Mario Mallia”

Mistoqsi minn Net News sabiex isemmi eżempju wieħed fejn Mario Mallia injora għal kollox it-tmexxija tal-iskola, huwa insista li l-pass li ħa l-eks Surmast fuq koperattiva li kellha tmexxija l-kanteen tal-kulleġġ kien dak li wassal sabiex tittieħed tali deċiżjoni.

“L-għan tal-koperattiva naqblu miegħu għax huwa għan nobbli imma inti ma tistax twaqqaf koperattiva fil-proprjetà ta’ ħaddieħor, bil-ħaddiema ta’ ħaddieħor…tagħmel użu ankè mill-canteen mingħajr ma tinforma lill-proprjetarji tal-Kulleġġ. Tmur tirreġistra din il-koperattiva b’indirizz ta’ ħaddieħor u lilna ma tinfurmaniex. Dik kienet waħda mill-issues il-kbar jiġifieri hemmhekk aħna tinkwetana li impjegat tiegħek imur japplika b’indirizz ta ħaddieħor u inti ma tkunx taf. Jiena sirt naf bil-koperattiva minn barra. Jiena ma Mario kien ikolli laqgħa kull ġimgħa u niltaqgħu diversi drabi u kellna exchanges ta’ e-mails u messaġġi imbgħad li tiġi tgħidli għax insejt ngħidlek fuq koperattiva it’s one of the main issues”

Wara li l-MUT iddeċidiet li tieħu passi legali fil-konfront tat-tmexxija għat-tkeċċija ta’ Mario Mallia, ir-rettur sostna li huwa proprju dak li riedu li jseħħ għaliex għandhom fiduċja sħiħa fil-Qorti Industrijali.

“Għandna fiduċja sħiħa fit-tribunal industrijali għax hemm huwa il-post fejn inti tista’ tressaq il-każ tiegħek mhux fuq il-midja, għax fuq il-midja tista’ tgħid ħafna affarijiet. Issa nieħdu l-kors tal-ġustizzja kif inhu mistenni. Aħna dejjem xtaqna li dak ikun il-forum fejn aħna npoġġu l-karti u nressqu l-każ tagħna b’mod legali wkoll”

Filwaqt li l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna malli nibtet din il-kwistjoni taħraq kien offra li jservi ta’ intermedjarju bejn iż-żewġ partijiet, ta’ min jiġi nnotat li kelma finali xorta waħda tkun tal-Ordni Dumnikan…għaliex il-kulleġġ mhux immexxi mill-Arċidjoċesi Maltija iżda mill-Provinċja Dumnikana f’Malta.

Dan ifisser li d-Dumnikani jmexxu l-kulleġġ b’awtonomija sħiħa.

Intant, minkejja li t-tkeċċija ta’ Mallia minn Surmast qajmet furur kemm fost uħud mill-edukaturi kif ukoll mill-istudenti, Patri Aaron Zahra insista li minkejja li tali deċiżjoni li ttieħdet kienet waħda iebsa….l-iskola għandha tħares ‘il quddiem għal bidu ta’ sena akkademika ġdida.

“Id-deċiżjoni ma kinitx faċli, id-deċiżjoni kienet waħda tqila imma sfortunatament riedet tittieħed. Issa t-tluq huwa li l-ħidma tagħha tibqa’ għaddejja fil-kulleġġ, għaddejjin bil-missjoni tagħna sabiex aħna nipreparaw ruħna għas-sena skolastika li jmiss biex f’Settembru li ġej dak il-bieb jerġa’ jinfetaħ u jilqa l-istudenti lura fi ħdan il-Kulleġġ bl-aqwa servizz possibli bħal ma dejjem tajna sa mill-1949”