Internazzjonali

Korea t’Isfel: Straġi wara l-akbar ħalbiet tax-xita fi 80 sena

L-awtoritajiet għall-emerġenzi fil-Korea t’Isfel qed iwieġbu għas-sejħiet għall-għajnuna wara li Seoul, il-kapitali Koreana, spiċċat assedjata mix-xita kontinwa matul il-lejl tat-Tnejn u t-Tlieta.

Is-ervizzi lokali intant ħarġu twissijiet ta’ emerġenza għal diversi zoni li ntlaqtu l-agħar mill-ħalbiet tax-xita — fost rapporti li talanqas tmien persuni tilfu ħajjithom b’kaġun tal-elementi u b’riżultat tal-għargħar sussegwenti f’numru ta’ distretti.

Ir-residenti f’numru ta’ zoni, fl-aħħar sigħat, kienu qed ibatu inkonvenjent kbir fost l-għargħar li kien qed jirrendi l-ħajja kważi impossibbli.

Dan meta diversi nħawi ta’ Seoul u l-madwar ġarrbu l-effetti tal-akbar inżul tax-xita għal dawn l-aħħar 80 sena – dejjem skont l-aġenzija meteoroloġika tal-Korea t’Isfel.

Il-ħalbiet tax-xita, sadanittant, wasslu wkoll għall-qtugħ tad-dawl madwar Seoul, bl-ilma tal-għargħar, fl-aħħar sigħat, jifqa’ it-toroq u jġorr miegħu numru ta’ karozzi flimkien ma’ proprjetà oħra tar-residenti.