Internazzjonali

Stati Uniti: ‘Tfittxija bla preċedent’ fid-dar tal-eks President Trump f’Mar-a-Lago

L-eks President Amerikan Donald Trump qed jesprimi l-għadab tiegħu wara li l-aġenti tal-FBI ( il-Bureau li jinvestiga l-każijiet fuq livell federali) wettqu tfittxija intensiva fid-dar tiegħu f’Mar-a-Lago, f’Palm Beach, fl-Istat ta’ Florida.

Mhemm l-ebda preċedent fl-istorja għal tfittxija fuq dan il-livell, b’Donald Trump juża l-kelma ‘rejd’ diversi drabi fi stqarrija li ħareġ u fejn spjega li r-residenza ta’ Mar-a-Lago spiċċat ‘okkupata minn grupp kbir ta’ aġenti tal-FBI li, fost oħrajn, fetħulu safe fejn kien qed iżomm l-affariijiet personali.’

Min-naħa tiegħu, Dave Aronberg. L-Avukat tal-Istat għal Palm Beach enfasizza li tfittxija bħal din ma għandha l-ebda preċedent, waqt li sostna li azzjoni bħal din setgħet issir biss ladarba l-awtoritajiet ikkonċernati jkunu konkludew analiżi relatata ma’ sitwazzjoni partikulari ‘fuq il-livelli kollha’.

L-azzjoni tal-FBI fir-residenza ta’ Trump kienet allegatament konnessa ma’ investigazzjoni dwar il-mod kif l-eks President Amerikan ħa ħsieb xi dokumenti uffiċjali. Dan meta hemm ukoll suspetti li Trump seta’ ħa l-pussess tar-rekords klassifikati mill-White House ta’ Washington.

L-impatt ta’ dan ir-rejd mistenni jinħass għal jiem fiċ-ċrieki politiċi ewlenin tal-Istati Uniti. Intant, ilhom jissemmew ‘indikazzjonijiet’ li Donald Trump jista’ qed jaħseb biex, fl-2024,  jikkuntesta mill-ġdid ( u għat-tielet darba) għall-Presidenza tal-Istati Uniti.

Sadanittant, Trump qed ikun suġġett għal diversi investigazzjonijiet dwar l-imġieba tiegħu bħala President, bl-aktar każ jaħraq kontra tiegħu jinvolvi l-inkjesta dwar l-irvellijiet tas-6 ta’ Jannar tal-2021 mill-partitarji ta’ Trump f’Washington u fejn huma kienu assedjaw il-bini tal-Capitol bi protesta għat-telfa tal-istess Donald Trump fl-elezzjoni għall-Presidenza ( mirbuħa mill-President attwali Joe Biden).

Fl-irvellijiet kienu mietu ħames persuni u minbarra dan il-każ, Donald Trump qed jiffaċċja anki sensiela ta’ issues legali, fosthom dwar il-possibbiltà ta’ indħil u ‘attentat ta’ tbagħbis’ fl-elezzjoni ta’ Novembru tal-2020 fl-Istat ta’ Georgia – u  wara li l-Amerikani kienu vvutaw għal President ġdid.

Trump jista’ anki jkollu jwieġeb dwar allegazzjonijiet ta’ frodi bankarji u irregolaritajiet tat-taxxa – bl-eks President ukoll qed jiffaċċja każ ta’ malafama wara li ċaħad għall-akkużi minn artikolista li qed tinsisti li hu kien aggrediha għal skop sesswali waqt inċident li jmur lura għas-snin disgħin.