Futbol Sport

Tintemm l-avventura ta’ Gżira United fl-Europa Conference League

(Ritratt: Gżira United)

Rowen Camilleri

GŻIRA U………………………0

WOLFSBERGER AC……….4

Gżira U: D. Zarkov, G. Mentz, L. Tabone (T. Espindola 46’), N. Muscat (B. Borg 69’), Z. Scerri, M. Dias, L. Riascos (J. Mendoza 70’), T. Kolega (A. Borg 69’), R. Correa (C. Gauci 46’), M. Cosic, Jeffeson

Wolfsberger AC: H. Bonmann, M. Novak, D. Baumgartner, S. Piesinger, A. Jasic, M. Leitgeb (E. Omic), T. Ballo (M. Taferner 46’), K. Kerschbaumer (A. Boakye 76’), T. Baribo, T. Rocher (N. Vergos 61’)

Skorjaw: T. Baribo 12’, D. Baumgartner 33’, T. Rocher pen 59’, A. Boakye 85’ (W)

Imwissija: R. Schifferl 18’, D. Baumgartner 38’, A. Jasic 62’ (W), M. Dias 23’, Jefferson 38’, Z. Scerri 39’, C. Gauci 47’,  (G)

Tkeċċew: Z. Scerri 53’, Jefferson 66’ (G)

Referee: Nicholas Walsh (Skozja)

Assistenti Referees: Graeme Stewart u Calum Spence (Skozja)

Wolfberger din id-darba ma’ ddiżapuntawx lil ftit supporters preżenti f’Malta u fis-Centenary Stadium għamlu dak mistenni fuq il-karta u għelbu lil Gżira United bl-iskor ta’ 4 -0 biex b’hekk avvanzaw għall-play off tal-Europa Conference League u temmew l-avventura ta’ Gżira f’din il-kompetizzjoni. Gżira spiċċaw il-partita b’disa’ plejers hekk kif tkeċċewlhom żewġ plejers fit-tieni taqsima, Zach Scerri fit-53 minuta u Jefferson fis-66 minuta. Sa tmiem l-ewwel taqsima Wolfsberg kienu diġa skorjaw darbtejn biex imbgħad issiġillaw ir-rebħa fit-tieni taqsima meta minn penalty fid-59 minuta Rocher skorja t-tielet goal bir-raba goal jasal fil-85 minuta mis-sostitut Boakye.

Fit-12-il minuta Wolfsberg imorru minn fuq meta fl-ewwel okkażjoni serja tal-partita kienet triangulanzjoni bejn Thierno Ballo u TAI BARIBO b’dan tal-aħħar minn quddiem Zarkov ikkonkluda u għeleb lill-goalkeeper Kroat għalkemm dan miss xi ftit il-ballun. Erba’ minuti wara Jefferson irċieva ballun tajjeb mingħand Kolega iżda l-Brażiljan ra x-xutt dgħajef tiegħu ikun milqugħ faċilment minn Bonmann. Fil-25 minuta minn pass ta’ Scerri jerġa jkun Jefferson b’ħarba tipika tiegħu iżda ssikat minn Piesinger il-Brażiljan żbalja għal kollox il-mira tiegħu u tefa barra. Wolfsberg irduppjaw fit-33 minuta meta l-ewwel kien xutt minn barra l-kaxxa ta’ Ballo li b’fortuna spiċċa f’saqajn DOMINIK BAUMGARTNER li sab ruħu quddiem Zarkov u b’xutt fil-baxx skorja u għamel l-iskor 2-0 favur l-Awstrijaki, skor li bih intemmet l-ewwel taqsima.

Żewġ minuti mill-bidu tat-tieni taqsima Wolfsberg mill-ewwel fuq l-attakk meta kien l-awtur tal-ewwel goal Baribo li minn azzjoni personali avvanza lejn in-nofs u b’xutt fil-baxx impenja lil Zarkov li b’diffikultà kellu jdawwar f’korner. Fit-53 minuta l-affarijiet komplew isiru għat-tela’ għat-tim ta’ Darren Abdilla hekk kif Zach Scerri intwera t-tieni karta safra mir-referee skoċiż Nicholas Walsh u għalhekk Gżira spiċċaw jilgħabu b’għaxra minn nies. Minuta wara Zarkov kellu jerġa jdawwar f’korner ix-xutt minn barra tas-sostitut Taferner. Fit-58 minuta jkompli l-mument negattiv għall-Gżirjani hekk kif Wolfsberg ingħataw penalty għal foul ta’ Boher Mentz fuq Baribo. Mill-11-il metru kien THORSTEN ROCHER li tefa’ l-ballun naħa u lil Zarkov in-naħa opposta. Fis-66 minuta waslet it-tieni tkeċċija għal Gżira meta Jefferson intwera t-tieni karta safra għal-foul fuq Baumgartner. Wara assedju għal ħin twil minn Wolfsberger kien is-sostitut AUGUSTINE BOAKYE li fil-85 minuta  b’xutt minn barra għeleb lil Zarkov għar-raba’ u l-aħħar goal tal-partita. Gżira ma’ tantx kellhom wisq aktar x’jgħamlu b’disa plejers u erba’ goals minn taħt ħlief li jirreżistu l-attakki tat-tim immexxi minn Robin Dutt biex ma’ jkomplux isofru aktar goals biex il-partita ntemmet 4-0 favur Wolfsberger u eliminazzjoni għal Gżirjani wara avventura pożittiva fl-Europa Conference League.