Internazzjonali

Xatt tal-Punent: Kap militanti Palestinjan maqtul mill-Iżraeljani

Il-kap lokali tal-‘Brigati tal-Martri ta’ al-Aqsa’  — grupp ta’ militanti Palestinjani – spiċċa maqtul waqt azzjoni tal-militar Iżraeljan fil-parti okkupata tax-Xatt tal-Punent. Qed jingħad li l-kap — Ibrahim al-Nabulsi– u żewġ persuni oħra tilfu ħajjithom waqt sparatura mas-suldati Iżraeljani li kienu għaddejjin b’rejd fuq residenza fil-belt ta’ Nablus. F’din l-azzjoni ndarbu anki 40 persuna, bid-dettalji tal-konfront jibqgħu mhumiex ċari.

Il-Brigati ta’ al-Aqsa jinvolvi network ta’ milizji relatati mal-moviment Palestinjan Fatah li jikkontrolla x-Xatt tal-Punent.Intant, l-Iżraeljani akkużaw lil Nabulsi b’li kien mexxa grupp ta’ militanti waqt sensiela ta’ attakki kontra l-Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent.

L-istess Nabulsi kien irnexxielu jaħrab minn rejd tal-Iżraeljani li  seħħ fi Frar li għadda u li fih kienu nqatlu diversi minn sħabu.Hu baqa’ jiżgiċċa lill-Iżraeljani sakemm grupp ta’ suldati, sigħat ilu, sparaw ir-rokits lejn id-dar ta’ Nablus fejn kien qed jistaħba l-kap Palestinjan u bil-ħsieb li jisfurzawh ‘il barra.

Kien hemm anki sparaturi fit-tul f’dik ir-residenza u fl-inħawi, kif ukoll fi bnadi oħra ta’ Nablus – u fejn irriżultaw numru kbir ta’ midruba. Uħud minn dawn jinsabu f’sitwazzjoni kritika waqt li ma kien hemm l-ebda telf ta’ ħajja fuq in-naħa tal-Iżraeljani.

Il-media Iżraeljana qed tgħid li l-Brigati ta’ al-Aqsa ikkoopera diversi drabi mal-militanti Palestinjani tal-grupp Ġiħad Iżlamiku waqt attakki kontra l-interessi ta’ Iżrael fix-Xatt tal-Punent.

Dan waqt li t-truppi Iżraeljani mexxew diversi rejds fix-Xatt tal-Punent, bl-iskop speċifiku li jarrestaw lill-militanti tal-Ġiħad Iżlamiku – b’Iżrael ikun anki involut f’jiem konsekuttivi ta’ battalji ħorox ma’ dawn il-militanti, fost il-bumbardamenti kontinwi bejn l-Iżraeljani u l-membri tal-Ġiħad fil-Medda ta’ Gaza.