Lokali Qorti

Disa’ xhur ħabs u multa ta’ €4,000 wara li agredixxa uffiċjali tal-Pulizija

Raġel ta’ 52 sena, mwieled is-Siġġiewi u residenti Ħal Qormi ġie kundannat disa’ xhur ħabs u mmultat €4,000 wara li ammetta li ħebb għal Surġent u żewġ Kuntistabbli tal-Pulizija. L-inċident seħħ nhar il-Ħadd, 26 ta’ Settembru 2021, għal ħabta tal-4.00pm. meta l-Pulizija kienet qed tinvestiga rapport fi Triq il-Kus, Ħal Qormi.

F’dan il-ħin tliet pulizija tad-Distrett ta’ Ħal Qormi marru fuq il-post sabiex ikellmu lil Mario Baldacchino rigward rapport ta’ aggressjoni u theddid fil-konfront ta’ persuna oħra. Waqt li kienu qegħdin ikellmuh, ir-raġel sar aggressiv fl-atteġjament tiegħu, filwaqt li beda ukoll jonqos li jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija.

Hekk kif ġie infurmat li se jiġi arrestat, iżda f’dan il-mument r-raġel ipprova jaħrab u ħebb għall-pulizija, bil-konsegwenza li wieħed mill-pulizija weġġa’ sew fejn ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.

Huwa ammetta wkoll li kkometta reat waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża ta’ sena priġunerija sospiża għal tliet snin, liema sentenza ingħatat mil-Qorti tal-Maġistrati fil-31 ta’ Jannar 2019. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke kkunsidrat il-fatt li l-imputat ammetta l-akkużi kollha miġjuba kontrih u n-natura tar-reati li tagħhom instab ħati u l-kondotta tiegħu.

Minn naħa l-oħra l-Qorti ħadet in konsiderazzjoni l-eventwali koperazzjoni mal-Pulizija u għal dawn il-motivi ikkundannatu disa’ xhur priġunerija u multa ta’ €4,000. Sadaniitant b’applikazzjoni ta’l-artikolu 28B(2)(b) tal-Kapitolu 9 il-Qorti għażlet li ma tirrendiex ezekuttiva s-sentenza ta’ sena priġunerija datata 31 ta’ Jannar 2019, u minflok li testendi l-perjodu operativ ta’ din is-sentenza għal perjodu ieħor ta’ tliert snin li ghandu jibda jgħodd mid-data tas-sentenza. mill-llum. Il-Prosekuzzjoni tmexiet mill-Ispetturi Roderick Agius u Kevin Pulis.