Lokali

F’Lulju li għadda għaddew madwar 690,000 passiġġier mill-ajruport ta’ Malta

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jirreġistra żieda qawwija ta’ turisti f’Lulju li għadda hekk kif in-numri qed jirritornaw għal dawk iċ-ċifri ta’ qabel il-pandemija.

Il-kumpanija li tmexxi l-ajruport, l-MIA qalet li matul ix-xahar ta’ Lulju għaddew madwar 690,000 passiġġier li jammonta għal 86% tat-traffiku ta’ qabel il-pandemija.

Miċ-ċifri tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jidher biċ-ċar li ż-żieda tat-turisti kienet minn diversi destinazzjonijiet iżda l-Italja baqgħet l-aktar destinazzjoni popolari. Destinazzjonijiet oħra li wkoll kienu popolari jinkludu r-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja u Spanja.

Filwaqt li s-suq Taljan kiber bi 3% fuq Lulju tal-2019, is-suq Franċiż rreġistra tkabbir sostanzjali ta’ 41% meta mqabbel mal-istess xahar qabel il-pandemija. Dan it-tkabbir kien ir-riżultat tal-introduzzjoni ta’ titjiriet lejn l-ajruporti ta’ Charles de Gaulle u Orly f’Pariġi minn Air France u Vueling.

85% tal-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet minn u lejn Malta f’Lulju 2019 kienu rkuprati x-xahar li għadda. Barra minn hekk is-seat load factor għax-xahar li għadda, li jkejjel ir-rata ta’ okkupanza ta’ postijiet fuq it-titjiriet, kien 88.3%, jiġifieri l-ogħla għax-xahar ta’ Lulju li ġie rreġistrat mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mill-2016 s’issa.