San Lawrenz hija waħda mill-festi li qed tiġi ċċelebrata din il-ġimgħa, hekk kif is-Sajf tradizzjonali Malti jilħaq il-qofol tiegħu. Fil-Birgu, f’jum il-festa, saret il-quddiesa solenni li kienet ikkonċelebrata mill-Kardinal Mario Grech.
Waqt il-paniġierku f’jum San Lawrenz, il-Kanonku David Torpiano qal li f’ġurnata bħal din impossibli li wieħed ma jħossx sentimenti sbieħ għaliex il-qalb tal-Ġirbin tkun eċitata għall-festa ta’ dan il-patrun.

Huwa qal li l-fidi qawwija ta’ San Lawrenz kienet l-unika ħaġa li għenitu sabiex jegħleb it-turment kollu li għadda minnu tul ħajtu.
Torpiano jisħaq li bħalma ma tistgħax tinħeba Ruma hekk ukoll ma tistgħax tinħeba l-kuruna tal-martirju ta’ San Lawrenz li miet martri. Filwaqt illi wassal riflessjoni fuq kif San Lawrenz għadu relevanti f’ħajjitna sekli wara l-martirju tiegħu.
L-10 ta’ Awwissu li huwa l-jum propju tal-festa ta’ San Lawrenz jimmarka wkoll il-bidu ta’ jiem ta’ ċelebrazzjonijiet kbar f’diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż, li jilħqu l-qofol tagħhom nhar it-Tnejn fil-festa ta’ Marija Assunta.

Waqt din il-quddiesa kien hemm preżenti l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u d-Deputati Nazzjonalisti Stephen Spiteri u Bernice Bonello.

