Lokali

Il-Bank MeDirect ikompli jinvesti biex isir wieħed mill-banek ewlenin tal-WealthTech fl-Ewropa

Fl-ewwel sitt xhur tal-2022, MeDirect kompla t-trasformazzjoni tiegħu biex isir wieħed mill-banek ewlenin tal-WealthTech fl-Ewropa u jispeċjalizza aktar fis-self fuq id-djar. Il-Grupp MeDirect uża l-vantaġġ tat-teknoloġija u l-innovazzjoni li bena fl-aħħar tliet snin biex ikompli jimplimenta l-istrateġija tiegħu bbażata fuq erba’ pilastri: il-ħolqien ta’ pjattaforma ta’ klassi dinjija għall-WealthTech, it-tkabbir tar-retail franchise tiegħu ffukata fuq klijenti affluwenti, it-tnaqqis tar-riskju u d-diversifikazzjoni fil-balance sheet b’enfasi fuq is-self għal propjetà, u t-tisħiħ ta’ l-effiċjenza fil-mudell tal-operat tiegħu.

Meta ħabbar ir-riżultati finanzjarji għall-ewwel nofs tas-sena 2022, MeDirect spjega li l-iżvilupp tal-Wealth SuperApp miexi bir-ritmu mixtieq u li l-bank ħa jkun jista joffri għażla wiesgħa ta’ prodotti li jinkludu kemm soluzzjonijiet innovattivi, kif ukoll funzjonalitajiet bankarji li wieħed juża ta’ kuljum – dan kollu minn app waħda għal klijenti ta’ MeDirect.

Arnaud Denis, il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp MeDirect, qal li fix-xhur li ġejjin MeDirect se jkompli jsaħħaħ il-pjattaforma tiegħu bit-tnedija ta’ servizzi ġodda ta’ konsulenza elettronika u servizz ta’ discretionary management, kif ukoll, iniedi l-prodott ta’ kards virtwali u fiżiċi. Permezz ta’ din il-pjattaforma attrajenti, li hi faċli biex tintuża, MeDirect ħa jkun qed joffri lill-klijenti tiegħu għażla ta’ kif jistgħu jinvestu u jkabbru flushom, filwaqt li tagħtihom il-possibbiltà li jużaw l-app għas-servizzi bankarji li jkollhom bżonn ta’ kuljum – “dan hu maħsub biex jgħamel lil MeDirect bank uniku għal kollox fis-suq.”

F’nofs l-2022, MeDirect bidel id-dehra korporattiva tiegħu bil-lest għat-tnedija tal-firxa l-ġdida tal-prodotti tiegħu. Id-dehra viżiva l-ġdida tenfasizza li MeDirect joffri lill-klijenti l-għodda meħtieġa biex ikunu jistgħu jesploraw il-kumplessità tad-dinja finanzjarja waħedhom u jħossuhom kunfidenti biex jikkontrollaw il-finanzi tagħhom. MeDirect qed jibdel il-perċezzjoni tal-klijenti dwar il-bank minn “aħna” għal “jien” – my money, my choices.

Żvilupp importanti ieħor kien il-bini ta’ pjattaforma flessibbli u speċjalizzata għas-self fuq id-djar f’Malta, fil-
Belġju u fl-Olanda. F’Malta, MeDirect introduċa tliet prodotti ġodda fl-ewwel nofs tal-2022 – is-self għal djar
li huma effiċjenti fl-użu ta’ l-energija, rata fissa ta’ self għal 10 snin, u prodott fuq l-ekwità tad-djar. Dawn il-
prodotti ntlaqgħu tajjeb ħafna u qed ikomplu jsiru popolari fis-suq Malti.

Il-portafol tas-self fuq id-djar li MeDirect għandu fl-Olanda, huwa self b’garanzija mgħotija mill-gvern Olandiż (NHG), li jirrappreżenta 40% mil-balance sheet tal-Grupp. F’Diċembru 2021, MeDirect nieda l-prodott meHomeLoan fis-suq Belġjan bi sħab ma’ Allianz. Barra minn hekk, MeDirect baqa’ għaddej bin-negozju tiegħu tas-self lill-kumpaniji, servizz li hu stabbilit sew f’Malta u li bih qed jappoġġja l-ekonomija lokali.

Ir-retail franchise ta’ MeDirect, li hija iffukata fuq klijenti affluwenti, kiber bi kważi 30% fl-aħħar tnax-il xahar u issa jinkludi aktar minn 106,000 klijent. L-assi finanzjarji totali ta’ dawn il-klijenti żdiedu b’madwar 4% fuq is-sena l-oħra u, minkejja l-isfidi ġeopolitiċi u makroekonomiċi tas-swieq bħalissa, jlaħħqu l-€4.3 biljuni. Il-fiduċja li MeDirect għandu fis-swieq li jopera fihom, flimkien mas-suċċess tal-infrastruttura tal-onboarding li għandu l-bank biex wieħed ikun jista jsir klijent fi ftit minuti, wassal biex tiżdied il-bażi tal-klijenti b’19% fl-aħħar tnax-il xahar. Aktar important hi t-turija ta’ sodisfazzjon tal-klijenti eżistenti tal-bank li baqgħu jinvestu. Dan jidher ċar mill-fatt li aktar minn 90% tal-klijenti li ħames snin ilu fetħu xi kont ma’ MeDirect, illum għadhom jużaw is-servizzi tal-bank.

Il-profitt qabel it-taxxa għall-perjodu li ntemm fit-30 ta’ Ġunju 2022 jammonta għal €2.7 miljuni, kkumparat ma €3.2 miljuni matul il-perjodu li ntemm fit-30 ta’ Ġunju 2021. Id-dħul mill-operat żdied b’7% meta mqabbel mas-sena l-oħra, filwaqt li t-titjib fil-kundizzjonijiet tas-suq wassal għal rilaxx nett ta’ €3.5 miljuni fuq loan impairment charges. Id-dħul nett mill-imgħax żdied bi 11% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet, minn €25.8 miljuni fl-2021 għal €28.7 miljuni, filwaqt li d-dħul nett mit-tariffi u l-kummissjoni żdied bi 8% minn €2.8 miljuni fl-2021 għal €3.1 miljuni.

Il-proporzjon tan-non-performing loans tal-Bank tnaqqas għal 4.6% sat-30 ta’ Ġunju 2022, minn 6.7% fil-31 ta’ Diċembru 2021. Il-kapital u l-likwidità baqgħu sodi, u qed ikomplu jsostnu l-istrateġija tat-trasformazzjoni u tat-tkabbir ta’ MeDirect. Il-proporzjon tal-kapital Tier 1 ta’ MeDirect baqa’ għoli (13.6%), bi proporzjon tal-kapital totali ta’ 17.3% – it-tnejn ferm ogħla mir-rekwiżiti regolatorji. Ir-riservi tal-likwidità tal-Grupp baqgħu b’saħħithom ukoll b’€740 miljuni sat-30 ta’ Ġunju 2022, u l-proporzjon ta’ kopertura tal-likwidità (LCR) tal-Grupp u l-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett (NSFR) kienu 247% u 129% rispettivament, it-tnejn ferm ogħla mir-rekwiżiti minimi.

Il-portafoll tas-self fuq id-djar ta’ MeDirect żdied b’9% fl’aħħar tnax-il xahar. Bħala parti mill-pjan ta’ tnaqqis tar-riskju tal-Grupp, l-ammont ta’ self lill-korporazzjonijiet internazzjonali tnaqqas bi 12% għal €624 miljuni sat-30 ta’ Ġunju 2022, li jammonta għal inqas minn 15% tal-balance sheet tal-Grupp.

L-aspett ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG) huwa qasam importanti għal MeDirect. Fil-fatt, il-Grupp integra l-prinċipji ESG fl-attivitajiet ewlenin tiegħu. Fl-ewwel nofs tal-2022, MeDirect implimenta firxa ta’ inizjattivi ESG li, fost l-oħrajn, jinkludu prinċipji u kundizzjonijiet ta’ sostenibbiltà fin-negozji tal-kreditu u tal-investiment, it-tnedija ta’ self għal propjetajiet li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija, iż-żieda ta’ karatteristika fil-pjattaforma li biha l-investituri jistgħu jidentifikaw u jiffiltraw il-mutual funds u l-ETFs li jiffukaw fuq is-sostenibbiltà, kif ukoll taħriġ fuq il-prinċipji tal-ESG li ngħata lill-Bord u lill-impjegati ta’ MeDirect. Dawn l-isforzi ħallew il-frott mixtieq, għax MeDirect, tejjeb il-pożizzjoni mogħtija lilu minn EcoVadis, waħda mil- fornituri internazzjonali ewlenin għall-klassifikazzjoni tas-sostenibbiltà. MeDirect tqiegħed fl-ewwel 15% tal-kumpaniji kollha kklassifikati minn EcoVadis.