Lokali

“Il-prijoritajiet bħalissa mhumiex il-metro u l-mina”

“Il-prijoritajiet tal-pajjiz bħalissa mhumiex il-metro u l-mina ta’ Għawdex.”

Dan qalu d-Direttur Ġenerali tal-Assocjazzjoni ta’ Min Iħaddem Joe Farrugia fejn kien qed jikkummenta dwar id- dokument li ppubblikat l-MEA bil-proposti għall-budget tas-sena d-dieħla. Dan id-dokument jitratta diversi setturi fejn bħalissa hemm bosta sfidi b’Joe Farrugia jinsisti ma’ Net News illi bħalissa l-pajjiż għandu bżonn jitfa’ ħarstu fuq il-finanzi pubbliċi. Joe Farrugia jispjega li l-Gvern għandu jara kif ha jsolvi l-problema tad-dejn u defecit.

Id-Direttur Ġenerali tal-MEA qal illi waħda mill-prijoritajiet għandha tkun l-infrastuttura, għaliex hawn diversi rħula li għadhom b’sistemi antiki tad-drenaġġ.

Farrugia jisħaq li hemm bżonn li l-Gvern jipprepara għall-għoli tal-ħajja. Dan għaliex il-Gwerra tal-Ukrajna u l-kunflitt bejn it-Taiwan u ċ-Ċina qed joħolqu problemi fuq il-materja prima. Huwa kkomferma wkoll li l-COLA mistennja tkun bejn €8 u €10. Joe Farrugia qal li din hija żieda qawwija u n-negozji jridu jaraw kif se joperaw meta kollox qed jogħla fil-prezz.

L-MEA qed tgħid li iż-żieda se tkun piż żejjed fuq in-negozji wara l-impatt li ħalliet warajha il-pandemija.

Joe Farrugia qal li hemm bżonn li jkun hemm pjan sabiex kemm il-poplu u kif ukoll in-negozji jkunu jistgħu jlaħħqu maż-żieda tal-prezzijiet fiż-żmien li ġej.