Lokali

BIL-FILMAT: “Jesmond kien persuna b’għerf u kreattività kbira”

Ritratt: Allen Venables Photography

Wara l-aħbar tal-mewt tal-kantant u mużiċist Jesmond Tedesco Triccas, kienu bosta l-persuni li sellmu l-memorja tiegħu, fosthom l-eks Chairman ta’ Net Television Pierre Portelli fejn iddeskrivih bħala persuna b’għerf u kreattività kbira.

Portelli jiftakar kif bosta snin ilu kien talab lil Triccas biex ta’ kull ġimgħa jikteb kanzunetti ta’ protesta għall-programm ‘Televixin’ li kien jixxandar fuq Net Television. Apparti dan Portelli ħadem ukoll ma’ Triccas meta ngħata parti is-sensiela televiżiva ‘Anġli’.

Persuna oħra li ħadmet ferm mill-qrib ma’ Jesmond Tedesco Triccas kien l-attur u producer Herman Bonaci li fost oħrajn jibqa’ jiftakar l-ewwel darba li ltaqa’ miegħu meta kien intgħażel għall-parti prinċipali fil-kummiedja mużikali ‘Żeża tal-flagship’.

Minn dakinhar bejniethom nibdet ħbiberija kbira li baqgħet hemm sal-lum. Herman jiddeskrivi lil Jesmond bħala persuna professjonali li kien jinkwieta ħafna u li tista’ tafda fuqu. Spjega kif dawn l-aħħar ftit ġimgħat, kellu x-xorti kbira li qatta’ dawn il-ġranet fil-kumpanija ta’ Triccas waqt il-provi tal-produzzjoni li mistennija jtellgħu fil-ġimgħat li ġejjin.

Huwa spjega li Triccas baqa’ jħobb l-arti sal-aħħar ftit mumenti ta’ ħajtu, u kien kuntent ferm li kien se jkollu rwol f’Żeża tal-Flagship li se tittella’ f’Ottubru li ġej.

Min-naħa tiegħu Pawlu Borg Bonaci, b’emozzjoni kbira qal li kien jammira lit-Triccas li fit-tmenijiet kien persuna tassew espressiva fejn permezz tal-mużika kien jikkritika dak li kien għaddej madwaru. L-aħħar darba li ħadem ma’ Jesmond kien fl-2018 meta kien ħa sehem f’Rockestra fejn Borg Bonaci jiftakar kemm Jesmond kien grat li ħa sehem f’dan l-ispettaklu mużikali poplari ferm f’pajjiżna.

Ritratt: Allen Venables Photography