Lokali

Kien f’xifer il-mewt, ħajtu nbidlet iżda mimli ħolm għall-futur

Minn żagħżugħ mimli enerġija b’ħolm ma jispiċċa qatt għall-futur tiegħu, f’leħħa ta’ berqa ħajtu nqalbet ta’ taħt fuq.

Kien fl-4 ta’ filgħodu tal-5 ta’ Diċembru tal-2021 meta Vincenzo Garofalo tilef il-kontroll tal-mutur li kien qed isuq fi Triq Valletta fid-direzzjoni lejn il-Mosta. U ftit mumenti wara, laqtitu karozza – b’riżultat li spiċċa fil-periklu tal-mewt.

Vincenzo kien spiċċa f’koma, u qam għaxart ijiem wara… iżda hekk kif fetaħ għajnejh irrealizza li ħajtu qatt mhi se tkun bħal qabel minħabba li kien tilef siequ l-leminija.

“Fortunatament, hekk kif ftaħt għajnejja sibt wiċċ familjari – rajt l-ommi li laqgħatni bl-iktar tbissima ħelwa, tbissima li tagħtni kuraġġ għal dak li kien ġej”

Vincenzo Garofalo
Omm Vincenzo niżlet lejn Malta mill-Italja dakinhar stess tal-inċident biex tkun biswit binha hekk kif kienu qalulha biex tistenna l-agħar xenarju

“Ma niftakar xejn minn dak il-lejl,” qal Vincenzo. “Hemm mumenti fejn ikolli flashbacks ta’ x’seta’ ġara. Iżda fil-maġġorparti huwa sieħbi li kien miegħi matul dak il-lejl li jgħidli bejn wieħed u ieħor minn xiex għaddejna.”

Flimkien ma’ sħabu, Vincenzo kien qatta’ lejl jiddeverti iżda jisħaq li dejjem żamm il-livell tal-alkoħol taħt dak li tgħid il-liġi, jiġifieri 0.8%. Fil-fatt, kienu l-isptar stess li qalulu li l-livell ta’ alkoħol fis-sistema tiegħu kien biss 0.2%.

Passiġġier miegħu fuq il-mutur kien hemm sieħbu Giovanni li fortunatament ma sofra ebda ġrieħi kawża ta’ dan l-inċident. Is-sewwieq tal-karozza li kien għadda minn fuq Vincenzo kien ħarab minn fuq il-post u qatt ma ġie identifikat mill-Pulizija.

Is-sitt xhur ta’ wara, Vincenzo qattagħhom l-Isptar Mater Dei biex jerġa’ jitgħallem kif għandu jadatta għal din il-ħajja l-ġdida permezz ta’ fiżjoterapija kontinwa.

Issa, iktar minn qatt qabel, Vincenzo jrid li jwettaq il-ħolm kollu li għandu – u xejn u ħadd mhu se jwaqqfu milli jasal fejn irid.

“L-ewwel ħsieb li ġieni f’moħħi mal-aħbar li tlift sieqi li mhux se nkun nista’ nsuq iktar il-mutur li hu tant għal qalbi, iżda t-tabib assigurani li din m’għandix tkun problema. Iżda issa nixtieq li nipparteċipa fil-Paralympics, nasal sal-quċċata tal-muntanja Everest, u saħansitra nagħmel l-isfida ta’ Camino di Santiago.”

Vincenzo Garofalo

Il-ħolma ta’ Vincenzo dejjem kienet li jdur id-dinja. Liema ħolma sfaxxat fix-xejn l-ewwel minħabba l-pandemija u mbagħad kawża tal-inċident li kellu. Liema inċident mhux biss wasslu biex jitlef siequ l-leminija iżda wkoll żewġ emoroġiji u problemi fil-pulmun. U l-mument li wasal l-Isptar Mater Dei, it-tobba sabu li kien tilef madwar żewġ litri demm, kellu qatgħa fonda biswit għajnejh u saħansitra qatgħa fonda oħra fuq wara ta’ rasu. L-affarijiet setgħu kienu agħar kieku Vincenzo ma kienx liebes elmu.

Iżda biex jagħmel dan kollu, Vincenzo qed jappella lil dawk kollha li jistgħu biex jgħinuh finanzjarjament ħalli jkun jista’ jixtri sieq artifiċjali, li tiswa mal-kwart ta’ miljun ewro.

Sieq artifiċjali kienet ngħatat lilu fl-Isptar Mater Dei biex ikun jista’ jimxi. Madankollu, din is-sieq ma jistax jagħmel wisq affarijiet biha iktar milli jimxi. U wisq inqas jista’ jwettaq il-ħolm kollu tiegħu.

Però Vincenzo jibqa’ determinat u pożittiv minkejja kollox. Qalilna kif xorta għadu jagħmel l-eżerċizzju u jmur il-gym filwaqt li jgħix il-ħajja ġurnata b’ġurnata.

Wieħed jista’ jgħin billi jidħol f’din il-link.