Internazzjonali

L-Ukrajna: Il-G7 jinsisti biex il-faċilità nukleari tgħaddi lura għall-kontroll tal-Ukreni

Il-potenzi tal-G7 – il-moviment tal-akbar ekonomiji fid-dinja – ħarġu appell urġenti biex ir-Russja tgħaddi lura ‘immedjatament’ il-kontroll tal-faċilità nukleari ta’ Zaporizhzhia lill-Ukrajna.

Dan meta żdied l-inkwiet dwar katastrofi nukleari fuq l-istess livell tat-traġedja ta’ Chernobyl (fis-snin tmenin) wara li z-zona ta’ dik il-faċilità inbidlet f’kamp ta’ battalja bejn il-qawwiet Ukreni u ta’ Moska.

Issa, il-G7 għamilha ċara li l-azzjonijiet tal-qawwiet armati tar-Russja viċin il-faċilità ta’  Zaporizhzhia qed iżidu s-sogru ta’ inċident nukleari kbir, b’riżultati diżastrużi fuq livell inkalkulabbli. Dan meta għad hemm l-istaff Ukren fil-faċilità li ilha ġimgħat taħt l-okkupazzjoni tas-suldati Russi.

Xi jiem ilu, is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Guterres insista biex l-ispetturi internazzjonali jingħataw aċċess għal din il-faċilità nukleari fl-Ukrajna  li hi wkoll l-akbar waħda fl-Ewropa.

L-Ukrajna u r-Russja t-tnejn akkużaw lil xulxin b’li qed jibbumbardjaw is-sit inkwistjoni u meta s-sitwazzjoni qed issir dejjem akar perikoluża.

Ir-Russja, fl-istess ħin, qed tkun akkużata dwar aġir irresponsabbli wara li insistiet bl-azzjonijiet aggressivi f’dak is-sit mill-aktar sensittivi. Dan meta ħarġu diversi rapporti li r-Russi anki qiegħdu l-isplussivi fil-kumpless ta’ Zaporizhzhia u l-madwar.