Futbol Sport

Mistennija tinbidel il-ġurnata tal-ftuħ tat-Tazza tad-Dinja tal-Qatar 2022

(Ritratt: EPA)

Is-sit Internazzjonali tal-aħbarijiet AFP l-Erbgħa wara nofsinhar irrapurtat li għalkemm mhux uffiċjali jidher li teżisti l-possibiltà li t-Tazza tad-Dinja tal-Qatar 2022 ser tkun qed tibda l-Ħadd 20 ta’ Novembru minflok id-data oriġinali tat-Tnejn 21 ta’ Novembru kif kien maħsub. Kif kien maħsub sal-lum, għal kuntrarju ta’ dak li ġara f’edizzjonijiet oħra ta’ dan l-akbar avveniment tal-futbol fid-dinja, l-ospitanti, il-Qatar, ma’ kienux se jilgħabu l-ewwel partita tat-turnew filwaqt li l-ewwel ġurnata se tkun qed tikkonsisti minn erba’ partiti u mhux minn waħda bħas-soltu, dik wara ċ-ċerimonja tal-ftuħ. Jekk din il-bidla ssir, wara ċ-ċerimonja tal-ftuħ jilgħabu l-Qatar kontra l-Ekwador minn Grupp A.

Is-sors tal-AFP, li xtaq jibqa anonimu qal li filwaqt li l-FIFA mistennija tħabbar dawn il-bidliet fil-jiem li ġejjin, waħda mir-raġunijiet li wassal għal din id-deċiżjoni kienet li tinżamm it-tradizzjoni li, jew l-ospitanti jew iċ-champions tal-edizzjoni ta’ qabel ikunu involuti fil-partita ta’ inawgurazzjoni.