Futbol Sport

Real Madrid jirbħu s-Super Cup għall-ħames darba fl-istorja

Real Madrid rebħu il-UEFA Super Cup għall-ħames darba fl-istorja meta fil-Helsinki Stadium fil-Finlandja huma għelbu lil Eintracht Frankfurt bl-iskor ta’ 2-0. Ir-rebbieħa tal-UEFA Champions League fetħu l-iskor fis-37 minuta meta Casemiro għadda lejn Karim Benzema, b’dan tal-aħħar jiżmarka lil David Alaba li b’faċilita’ xeħet fix-xibka għal 1-0. Real Madrid rdoppjaw u prattikament għalqu l-partita fil-65 minuta meta din id-darba kien Vinicius Jr li għadda lejn Karim Benzema, bl-attakkant Franċiż ma jiżbaljax u jixħet wara Kevin Trapp għal 2-0.

B’hekk Real Madrid komplew bis-sena pożittiva tagħhom wara li f’Mejju rebħu għall-erbatax-il darba il-UEFA Champions League. Min-naħa l-oħra għall-Eintracht Frankfurt din kienet l-ewwel dehra tagħhom fil-UEFA Super Cup wara li f’Mejju rebħu il-UEFA Europa League wara li fil-finali għelbu lil Rangers, biex rebħu l-ewwel trofew Ewropew tagħhom wara 42 sena.