Lokali Qorti

Sitt xhur ħabs wara fuq ksur ta’ digriet, imma mhux ħati li seraq flus minn karozza

Raġel ta’ 32 sena minn Bormla ġie kundannat sitt xhur ħabs mill-Maġistrat Doreen Clarke wara li nstab ħati li is-26 ta’ Gunju ta’ sentejn ilu kiser d-digriet u l-kundizzjonijiet ghall-helsien mill-arrest imposti fuqu mill-Magistrat Dr. Audrey Demicoli, llum Imħallef.

Sean Grech iżda ma nstabx ħati li fil-lejl ta’ bejn l-4 ta’ Awwissu 2020 u l-5 ta’ Awwissu 2020, bejn il-hdax u nofs ta’ filgħaxija u n-nofs siegħa ta’ filgħodu, f’Misraħ Gavino Gulia, Bormla, ikkommetta serq ta’ flus kontanti minn kartiera li kienet ġo vettura ta’ l-ghamla Toyota Ractis. Huwa kien qed jiġi akkużat li seraq €300.

Huwa lanqas ma nstab ħati li kiser il-provedimenti tal-Artikolu 7 tal-Kap 446 tal-Liġijiet ta’ Malta b’sentenza moghtija mill-Qorti tal-Maġistrati fit- 30 ta’ Awwissu 2019 u li sar reċidiv. Il-Qorti nnutat li dwar dwar serq aggravat bil-valur, għalkemm il-pulizija ġabu il-filmat minn ħanut li juri lill-imputat javviċina il-vettura u jaghmel il-movimenti, ma nġiebx il-filmat kollu u cioe s-sekwenza shiha mill-mument li sid il-karozza ipparkja bil-vettura tieghu sa kemm waslet bintu u telqu minn hemm.

Fil-fehma tal-Qorti dan in-nuqqas huwa determinanti għaliex ħalla vojt fil-provi li faċilment seta’ jimtela. Għandu jiġi rilevat ukoll li fattur iehor li huwa determinanti f’dan il-każ huwa in-nuqqas ta’ kredibilità tax-xhieda prinċipali, jiġifieri sid il-karozza u l-imputat.

Fil-verità l-allegat vittma ma jgħidx wisq, u l-ftit li jgħid jirreferi biss għal dak li ġara qabel u wara l-inċident. Jghid li kien ghand bintu, meta kien hemm ghoddietlu l-flus li kellu fil-kartiera u ħa żewġ flixken birra; telaq minn hemm u baqa sejjer għand ħanut fejn xtara tiġieġ u birra, mar fil-karozza fejn kien se jiekol pero marret għajnejh bih mill-ewwel; ma kien lahaq ħa xejn minn dak li kien xtara.

Jgħid li wara dan ma jiftakar xejn, lanqas li ġie xi ħadd ikellmu, u huwa jgħid li jiftakar biss lil bintu qed tqajjmu meta kien għadu fil-karozza u dak il-hin irrealiżżaw li kienu naqsu 300 Euro mill-kartiera li kienet fuq is-seat tal-passiġġier. Ħareġ li l-imputat kien fis-sakra u li rriżulta li l-allegat vittma, kif ikkonferma hu stess ġieli ta flus lil Grech fejn kienu jafu lil xulxin.

Il-Qorti qalet li sfortunatament ħafna mid-dubbji f’dan il-każ dwar dak li gara fil-ħin kollu minn meta sid il-karozza telaq mid-dar ta’ bintu sa x’ħin din sabitu rieqed fil-karozza, u kemm fil-fatt għadda hin minn meta Previ telaq mid-dar ta’ bintu kienu jigu rizolti kieku gie prezentat il-filmat kollu minn meta huwa pparkja hdejn il-ħanut tal-ikel sa kemm waslet bintu.

F’dan ir-rigward, qalet il-Qorti, huwa relevanti li lanqas is-Surġent, li kellu l-opportunità jara il-filmat, ma ta l-ebda informazzjoni dwar ħinijiet u dwar il-preżenza oħra ta’ xi persuni oħra ħdejn il-vettura. Dwar il-piena l-Qorti ħadet in konsiderazzjoni l-kondotta ta’l-imputat kif ukoll in-natura tar-reat li tiegħu qed jinstab ħati l-imputat, jiġifieri l-ksur ta’ kundizzjoni imposta ma’l-ghoti tal-helsien mill-arrest.

Għaldaqstant huwa ġie kkundannat sitt xhur priġunerija, bil-Qorti tikkonfiska favur il-Gvern ta’ Malta s-somma ta’ €100 mid-depoħitu impost fid-digriet tal-ħelsien mill-arrest datat 26 ta’ Ġunju 2020 b’mod li jekk l-imputat ma jerġax jiddepożita l-ammont konfiskat fid-data li din is-sentenza tkun saret eżekuttiva huwa jkun soġġett għar-riarrest sa kemm jiddepożita s-somma konfiskata. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Darren Buhagiar.