Internazzjonali

Spanja: L-agħar nirien qalb foresta tul l-aħħar 30 sena

L-awtoritajiet għall-emerġenza Spanjoli, f’dawn il-jiem, jinsabu impenjati bis-sħiħ biex irażżnu l-furja tan-nirien qalb foresti u territorju aħrax fid-diversi bnadi ta’ Spanja.

U s-sitwazzjoni ma tidhirx li qed taqleb għall-aħjar minħabba l-kundizzjonijiet ta’ nixfa li qegħdin jiddominaw fir-reġjuni Spanjoli. Fil-fatt, il-kelliema għall-European Forest Fire Information System (EFFIS) ikkonfermaw li dan hu l-agħar sajf għan-nirien qalb foresta (wildfires) fi Spanja tul l-aħħar 30 sena.

Ħafna minn dawn in-nirien qabdu fir-reġjun ta’ Galicia u l-iskwadri lokali għall-emerġenzi kellhom isejħu għar-reinforzi biex ma jippermettux li l-fjammi jinfirxu aktar – u b’konsegwenzi diżastrużi.

Fl-aħħar sigħat ukoll, skwadri għall-emerġenzi oħrajn kienu qed jikkumbattu ma’ nirien li kienu qed javvanzaw minn qalb foresta f’Santa Cruz del Valle.

In-nirien inkwistjoni qabdu fil-5 ta’ Awissu u baqgħu inkontrollabbli avolja l-awtoritajiet Spanjoli qegħdin jużaw l-ajruplani attrezzati għal dawn l-emerġenzi (firefighting aircraft) biex is-sitwazzjoni ma tibqax daqshekk perikoluża.

Spanja, mill-bidu tas-sena, rat viċin l-400 inċidenza ta’ nirien simili xprunati mit-temperaturi għoljin u s-sitwazzjonijiet ta’ nixfa kontinwa.

Il-fjammi qerdu qrib it-300,000 ettari tal-art – aktar minn kwalunkwe pajjiż ieħor fl-Ewropa – skont informazzjoni li ħarġet mill-EFFIS, entità tal-Unjoni Ewropea li tipprovdi servizzi ta’ moniteraġġ bis-satellita.

Dan ukoll meta t-temperaturi tas-sħana fi Spanja, dan ix-xahar, mistennija jżommu livell ta’ 40 grad Celsius u aktar – speċjalment fl-inħawi tal-lvant u n-nofsinar tal-pajjiż.

L-akbar inkwiet, intant, jikkonċerna n-nirien li qed jaqbdu f’Galicia u fejn is-sitwazzjoni saret jerġa’ aktar perikoluża minħabba sensiela ta’ irwiefen u l-‘heatwave’ fiz-zona. Kelliema għall-Gvern reġjonali ta’ Galicia, sadanittant, żvelaw ‘indikazzjonijiet li dawn in-nirien tqabbdu apposta jew bi ħsieb speċifiku’.