Lokali Qorti

Spanjola u Peruvjana jammettu li mexxew burdell fix-Xlendi

Żewġ nisa ngħataw sentenza sospiża wara li ammettew li kienu jmexxu burdell f’appartament fix-Xlendi, Għawdex. Alicia Cortes Gomez, Spanjola ta’ 25 sena u Ely Yezmin Pilares Seminario, Peruvjana ta’ 32 sena, ġew akkużati li ħadmu bħala prostituti u li kienu jmexxu burdell.

Seminario ammettiet wkoll li serqet u aggredixxiet lil Gomez. Fil-Qorti ngħad li tfittxija tal-pulizija f’appartament fix-Xlendi sabet flus kontanti u “kwantità enormi ta’ kontraċettivi”. Meta għamel sottomissjonijiet dwar il-piena, l-avukat difensur, Matthew Xuereb, sostna li għalkemm l-akkużati kienu qed joffru s-servizzi tagħhom bi ħlas, huma kienu meqjusa bħala vittmi vulnerabbli.

Il-liġi nnifisha m’għandhiex l-intenzjoni li tinfliġġi sentenza ta’ ħabs effettiva f’ċirkustanzi bħal dawn. Barra minn hekk, iż-żewġ nisa kienu ilhom Għawdex biss għal ftit ġimgħat u l-mawra tagħhom kienet kważi spiċċat. Il-Maġistrat Simone Grech iddikjarat liż-żewġ nisa ħatja u mmultat lil kull waħda minnhom €200.

Gomez ġiet ikkundannata sena ħabs sospiżi għal sentejn, filwaqt li Seminario ġiet ikkundannat sena ħabs u xahrejn ħabs sospiżi wkoll għal sentejn. L-Ispetturi Kylie Borg u Josef Gauci mexxew il-prosekuzzjoni.