Internazzjonali

Stati Uniti: Ir-Repubblikani jiddefendu lil Trump wara ‘ir-rejd’ f’Mar-a-Lago

L-alleati Repubblikani tal-eks President Amerikan, Donald Trump, qed jinsistu għal spjegazzjoni dwar ir-rejd li sar jiem ilu mill-aġenti tal-FBI fid-dar ta’ Trump f’Mar-a-Lago, fl-Istat ta’ Florida. Intant, l-FBI u d-Dipartiment Amerikan għall-Ġustizzja ma kkummentawx dwar it-tfittxija fir-residenza u wara li l-eks President kien irrapporta l-każ fis-sigħat bikrin tat-Tlieta.

It-tfittxija kienet marbuta ma’ investigazzjoni dwar kif hu, bħala President, kien ħa ħsieb xi materjal klassifikat u sensittiv għall-Istat.

Din hi l-ewwel darba li qatt sar rejd ta’ dan it-tip fid-dar ta’ eks President Amerikan u l-eks Viċi-President tal-Istati Uniti, Mike Pence, insista biex l-Avukat Ġenerali ‘jagħti rendikont sħiħ tal-fatti li ġustifikaw is-search warrant għat-tfittxija.

Dan wara li r-rejd fir-residenza ta’ Trump kien approvat fl-ogħla livelli tad-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan.

Intant, hemm allegazzjonijet li Donald Trump, fi żmienu bħala President, kien neħħa r-rekords klassifikati mill-White House u ħadhom miegħu f’Mar-a-Lago. Madankollu, il-Partit Repubblikan ta’ Trump qed jgħid li l-investigazzjoni kellha motivazzjojni politika waqt li qed tinsisti għal spjegazzjoni mingħand l-Avukat Ġenerali Merrick Garland, li jmexxi lid-Dipartiment tal-Ġustizzja.