Għawdex Lokali

Tħassib dwar l-iżvilupp eċċessiv f’Għawdex

Is-settur turistiku f’Għawdex jinsab ferm inkwetat dwar l-iżvilupp u l-bini li qed isir fil-gżira Għawdxija, b’survey li sar mill-GTA jikkonferma li l-istess negozji qed jgħidu li Għawdex qed jitlef il-karatteristiċi sbieħ tiegħu.

Skont dan l-istħarriġ tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu, 91% jemmnu li l-iżvilupp eċċessiv qed itappan turisti – kemm barranin u anke Maltin – milli jżuru l-gżira ta’ Għawdex.

Apparti minn hekk, 81% ta’ dawk li wieġbu s-survey tal-GTA jemmnu li l-proġetti li tħallew nofs leħja qed jagħtu immagini ħażina lil Għawdex – sitwazzjoni ta’ telqa, illi qed taffetwa direttament is-settur turistiku u n-negozji Għawdxin.

Interessanti l-fatt li kien hemm persentaġġ kbir minn dawk li ħadu sehem f’dan is-survey illi qalu li m’għandhomx flus biex iwettqu titjib fin-negozju tagħhom u proġetti ta’ tisbiħ.

Fattur ieħor li qed jaffetwa n-negozji fis-settur turistiku f’Għawdex huma l-ispejjes dejjem jogħlew.

70% qalu li l-piż tal-pagi huwa fattur ewlieni, filwaqt li nofs il-parteċipanti fis-survey qalu li l-prezzijiet għoljin tal-ikel qed jaffetwawhom bi kbir.

64% tal-operaturi turistiċi li ħadu sehem fl-istħarriġ tal-GTA qalu li kellhom iżidu l-prezzijiet tal-istabbilimenti tagħhom biex jilqgħu għal dawn l-ispejjes.