Internazzjonali

Ukrajna: Zelensky jgħid li l-gwerra trid tintemm bil-liberazzjoni tal-Krimea

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qal li l-gwerra li għaddejja bħalissa f’pajjiżu kienet bdiet ‘bil-Krimea’ u għandha tintemm bil-liberazzjoni tal-penisola li r-Russja kienet ħatfet u ħadet il-kontroll tagħha fl-ewwel xhur tal-2014.

Il-Mexxej Ukren kien qed jitkellem sigħat wara sensiela ta’ splużjonijiet f’bażi tal-ajru tar-Russi viċin ta’ Novofedorivka, fil-Krimea u li ħallew almenu vittma, flimkien ma’ xi midruba. Din il-bażi tinsab viċin ħafna tar-resorts tal-baħar li huma popolari mat-turisti Russi.

U waqt li r-Russja baqgħet tikkundanna l-isplużjonijiet bħala ‘attakk kodard’ u ‘sabutaġġ’, il-President Zelensky qal li ‘il-Krimea hi tal-Ukrajna’ u li l-poplu tiegħu mhu se jċedi qatt għal dan it-territorju.

Zelensky ma rreferiex għall-isplużjonijiet f’dik il-bażi tar-Russja, bil-Ministeru tad-Difiża f’Moska isostni issa – u kuntrarju għall-akkużi dwar sabutaġġ —  li l-isplużjonijiet x’aktarx li kienu dovuti għal xi munizzjon li kien hemm fil-bażi.

Dan ukoll waqt li kelliema fl-Ukrajna ċaħdu għal kull responsabbiltà relatata mal-isplużjoni.

Il-komunità internazzjonali tirrikonoxxi lill-penisola tal-Krimea bħala parti mill-Ukrajna u ħafna Ukreni jqisu l-ħtif tal-penisola mir-Russja ( u li llum tifforma parti mit-territorju Russu) bħala l-bidu proprju tal-gwerra totali mal-qawwiet ta’ Moska.