Internazzjonali

Arrestat ir-raba’ ‘Beatle’ tal-ISIS fuq akkużi ta’ terroriżmu

Raġel maħsub bħala r-raba’ membru ta’ grupp ta’ terroristi Britanniċi mal-ISIS imlaqqmin ‘The Beatles’ ġie akkużat b’reati terroristiċi wara li kien deportat lejn l-Ingilterra mill-awtoritajiet Torok.

Aine Davis ta’ 38 sena minn Hammersmith kien arrestat l-Erbgħa filgħaxija mal-wasla tiegħu fl-ajruport ta’ Luton wara titjira mit-Turkija.

Hu qed jiffaċċja akkużi ta’ terroriżmu b’rabta ma’ dak li ġara fl-2014, kif ukoll b’pussess ta’ arma tan-nar bi skop ta’ terroriżmu.

Fl-2014, il-Beatles islamic State, parti mill-IS, kien responsabbli għall-eżekuzzjoni ta’ numru ta’ ostaġġi mill-pajjiżi tal-punent.

Davis u tliet membri oħra tal-grupp allegatament kienu jħanxru lill-ostaġġi meta l-grupp kien qed jikkontrolla partijiet kbar tas-Sirja u l-Iraq.

Davis se jidher quddiem il-qorti tal-maġistrati ta’ Westminster aktar tard illum.