Balena li daħlet fix-xmara Seine fi Franza kellha titraqqad wara li żviluppat problemi respiratorji.
Il-Beluga li sabet ruħha fix-xmara Franċiża kienet nieqsa mill-piż u kellha problemi ta’ saħħa.
Esperti marini nedew operazzjoni ambizzjuża nhar it-Tlieta biex joħorġu lill-Beluga mis-Seine.
L-operazzjoni biex tinħareġ dameta aktar minn sitt sigħat, b’għaddasa tas-salvataġġ iqattgħu ħafna ħin jiggwidaw lill-balena għal ġo xikba li mbagħad ittellgħet bi krejn mix-xmara.
Il-balena inġarret lejn il-port ta’ Ouistreham permezz ta’ trakk imkessaħ.
Madankollu, il-beluga, li kienet diġà fi stat ta’ saħħa fqir, fit-triq żviluppat problemi fin-nifs u l-veterinarji ma kellhomx triq oħra għajr li jraqqduha ftit tal-ħin wara li waslu fid-destinazzjoni.
Il-pjan oriġinali kien li l-balena tittieħed f’pixxina bl-ilma baħar fejn setgħet tingħata l-kura meħtieġa qabel ma terga’ tinħeles fil-baħar, iżda sfortunatament, dan ma seħħx.
//= $special ?>