Lokali Qorti

Erba’ snin ħabs fuq serq ta’ żewġ ġiżirajjen u brazzuletta minn fuq tliet nisa

Raġel ta’ 33 sena residenti l-Belt Valletta mar erba’ snin ħabs wara li nstab ħati li serq żewġ ġiżirajjen u brazzuletta minn fuq tliet nisa. Ħafna mis-serq kien isir meta n-nisa kienu mexjin għall-affari tagħhom fit-triq u oħra waqt li kienet fil-karozza tiekol. Is-serq sar bejn Ottubru u Novembru ta’ ħames snin ilu.

Curtis Bakoush, li huwa magħruf sew mal-Pulizija kien qed jiġi mixli li wettaq sitt serqiet minn fuq daqstant nisa b’ħames każijiet f’Birkirkara u l-ieħor f’Santa Venera. Huwa nstab ħati mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo li seraq ġiżirana minn fuq anzjana ta’ 77 sena f’Santa Venera, oħra minn fuq mara ta’ 43 sena f’Birkirkara u brazzuletta lil anzjana ta’ 71 sena wkoll f’Birkirkara.

Il-Qorti sabet lil Bakoush ħati li wettaq dawn is-serqiet kemm għax għarfuh il-vittmi kif ukoll għax il-Pulizija identifikatu mis-CCTV cameras fit-toroq fejn seħħ is-serq. Is-serq li seħħ fl-2017 kien isir f’kull ħin, kemm wara nofs in-nar kif ukoll filgħaxija.

Sadanittant huwa ma nstabx ħati li seraq il-ġiżirajjen ta’ tliet nisa li kellhom età ta’ 82 sena, 75 u 60 sena minħabba li dawn m’għarfuhx u ma nqabadtx mill-cameras tas-sigurtà. Mill-provi li tressqu quddiem il-rriżulta li waħda mill-vittmi kienet miexja fit-triq meta Bakoush ħatfilha l-ġiżirana u ħarab.

Vittma oħra kienet mara li kienet qed tiekol fil-karozza meta daħħal rasu, żammha b’id waħda u seraqha bl-oħra. It-tielet vittma kienet mara ġol-ħanut tagħha li wara li talabha l-flus u ma tatu xejn, ħatfilha l-ġiżirana. Bakoush instab ħati wkoll li wettaq dawn is-serqiet fi żmien meta kellu fis-seħħ sentenza ta’ tliet xhur ħabs sospiża għal sena u għalhekk irrenda lilu nniffsu reċidiv.

Mill-provi li semgħet il-Qorti qalet li nnutat li Bakoush kien jara jekk in-nisa jkollhomx xi ħaġa ta’ valur fuqhom, imur minn warajhom u jaħtfilhom il-ġiżirajjen. Waqt li sabitu ħati tat-tliet serqiet u talli kiser sentenza ta’ ħabs sospiża kkundannatu erba’ snin ħabs, li minnhom irid jitnaqqas iż-żmien li huwa għamel taħt arrest preventiv. Il-Qorti ikkundannatu wkoll jħallas is-somma ta’ €1384.8) ghal dak li ghandu x’jaqsam mal-ħatra ta’ esperti. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent James Grech.