Internazzjonali

Franza: Eluf ta’ nies kostretti li jaħarbu min-nirien ‘il hinn minn Bordeaux

TOPSHOT - This handout photograph released by Service departemental d'incendie et de secours (SDIS 33) on August 9, 2022, shows an aerial view of a forest fire area near Saint-Magne, south-western France. - RESTRICTED TO EDITORIAL USE - MANDATORY CREDIT "AFP PHOTO/SDIS 33" - NO MARKETING - NO ADVERTISING CAMPAIGNS - DISTRIBUTED AS A SERVICE TO CLIENTS (Photo by Handout / SDIS 33 / AFP) / RESTRICTED TO EDITORIAL USE - MANDATORY CREDIT "AFP PHOTO/SDIS 33" - NO MARKETING - NO ADVERTISING CAMPAIGNS - DISTRIBUTED AS A SERVICE TO CLIENTS

‘Il fuq minn 1,000 membru tal-iskwadri għat-tifi tan-nirien qed jippruvaw irażżnu ‘firxa sħiħa ta’ fjammi’ fuq livell storiku, diversi jiem wara li dawn qabdu qalb l-aħrax u l-foresta lejn il-lbiċ ta’ Franza…Dan meta l-fjammi inkontrollabbli qerdu diġà bejn it-8,000 u 9,000 ettari ta’ foresta, bis-sitwazzjoni kapaċi ssir aktar iddisprata fi tmiem il-ġimgħa.

In-nirien komplew javvanzaw minn territorji lejn il-limiti ta’ Bordeaux, li tifforma parti minn reġjun famuża madwar id-dinja għall-produzzjoni tal-inbid. Intant, il-fjammi intensivi qerdu numru ta’ djar minbarra li ġieġħelu lill-eluf tar-residenti jaħarbu għal ħajjithom mill-inħawi.

L-awtoritajiet għall-emerġenzi f’dik iz-zona ta’ Franza qed jirreferu għan-nirien viċin il-belt ta’ Bordeaux bħala ‘mostru’, bis-sitwazzjoni ssir aktar ikkumplikata minħabba n-nixfa u l-irwiefen li qed jiddominaw f’dik il-parti tal-pajjiż.

Lanqas mhuma qed jgħinu t-temperaturi għoljin li ilhom konsistenti għal ġranet.

Dan meta l-wildfire enormi fir-reġjun ta’ Gironde ilu jaqbad għal diversi jiem viċin il-komunità ta’ Landiras, li tinsab 30 kilometru biss ‘il bogħod minn Bordeaux, fid-direzzjoni tal-Lbiċ.

Is-sitwazzjoni hi kważi bla preċedent f’dawn l-aħħar snin, bl-elementi tas-sħana straordinarja qegħdin jikkaġunaw dawn it-tipi ta’ emerġenzi madwar l-Ewropa b’effett dirett tal-global warming.

Fl-aħħar sigħat ukoll, il-President Franċiż, Emmanuel Macron, ħabbar li l-Awstrija, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Polonja u r-Rumanija qegħdin jgħinu l-isforzi tal-Franċiżi biex jikkumbattu din il-kriżi tan-nirien straordinarja.

Macron anki bagħat messaġġ fuq Twitter biex jirringrazzja lil dawn il-pajjiżi u fisser l-għajnuna bħala ‘xempju ta’ solidarjetà fuq bażi Ewropea’.

Dan is-sajf, numru ieħor ta’ pajjiżi Ewropej – fosthom Spanja, il-Kroazja u l-Greċja – ġarrbu l-effetti ta’ sensiela ta’ wildfires ikkaġunati mit-temperaturi tas-sħana rekords u l-perjodi twal ta’ nixfa madwar il-kontinent.