Lokali Qorti

Gordon Debono irid ikun jaf is-sors li rabtu mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia; qed jitlob investigazzjoni

Xi ħadd mill-kabinett ta’ Joseph Muscat ipprova jimplika lill-allegat kuntrabandista tal-fjuwil Gordon Debono mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Fid-dawl ta’ dan kollu l-istess Gordon Debono talab investigazzjoni urġenti tal-pulizija bil-għan li jiġi identifikat is-sors ta’ dawn ix-xnigħat.

It-talba ssemmi l-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia, li fost l-oħrajn kienet iddikjarat li l-Istat kien responsabbli biex xerred dawn l-għajdut. F’ilment kriminali, Debono, li bħalissa jinsab fuq pleġġ minħabba akkużi ta’ ħasil ta’ flus b’rabta ma’ allegat kuntrabandu ta’ fjuwil, talab formalment lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jibda investigazzjoni dwar is-sors ta; dawn xnigħat, “u lil hinn minn hekk il-persuna jew persuni li kienu responsabbli għal dawn ix-xnigħat foloz.

Debono semma lil dawk li kienu jew għadhom qed jokkupaw pożizzjonijiet prominenti mal-gvern jista’ jkunu marbuta b’rabta ma’ dan kollu. Tenna li huwa ovvju, li llum huwa ċar daqs il-kristall li din ma kienet xejn ħlief azzjoni biex jiġu skużati jew jinħbew il-persuni li huma verament responsabbli jew li kellhom interess f’dan il-każ, u li l-ismijiet ta’ wħud minnhom issa huma pubbliċi.”

Debono kkwota silta mill-atti tal-inkjesta fl-ittra tiegħu. “Il-Bord hu infurmat li dan ġara wara l-qtil, meta l-Uffiċċju tal-Prim Ministru xerred il-possibbiltà li l-individwi wara l-qtil jistgħu jkunu persuni konnessi mal-kuntrabandu tal-fuel. Aħbarijiet li bdew jinxterdu wkoll fl-istampa internazzjonali,” kien qal ir-rapport.

Kien qed jiġi rrappurtat fil-media li Debono kellu sehem dirett f’operazzjoni li ddaħħal żejt tal-kuntrabandu mil-Libja milquta mis-sanzjonijiet lejn l-Italja permezz tal-flotta tas-sajd ta’ Debono bejn l-2014 u l-2015. Fl-2020, Debono u martu, Yvette, kienu akkużati bi flus il-ħasil, b’dawn il-proċeduri li waslu fi stadju avvanzat, bħalissa waqfu hekk kif il-qorti qed tistenna ittri rogatorji minn ġurisdizzjonijiet barranin.

Madankollu, l-ittra ta’ Debono rrimarkat, la l-ammont allegatament maħsul, u lanqas ir-reat li d-dħul tiegħu kien jeħtieġ il-ħasil ma kienu għadhom ġew identifikati, sentejn sħaħ wara l-bidu tal-proċeduri. “Din is-sitwazzjoni toħloq ambigwità u tqajjem dubji serji dwar jekk l-arrest tiegħi kienx premeditat jew ivvizzjat b’xi mod, minn persuni b’konnessjonijiet mal-politiċi, tal-passat u tal-preżent, kif ukoll b’rabtiet mill-qrib mal-korp tal-pulizija, sabiex ixekklu l-ġustizzja. ”

L-ittra tispiċċa tgħid li “l-ġustizzja mhux biss trid issir imma trid tidher li ssir,” l-ittra titlob ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga l-kwistjoni b’urġenza u jieħu azzjoni kontra min kien involut fl-azzjonijiet, “minħabba motivi personali jew lil hinn minn dawk estranji bbażati fuq pretensjonijiet mingħajr ebda bażi fil-fatt.” L-Avukat Roberto Montalto qed jassisti lil Debono.