Futbol Sport

Hibernians eliminati b’żewġ gowls kontrihom fl-aħħar kwarta

Matthias Mizzi

HIBERNIANS……….1

FK RFS…………………3

HIBERNIANS: I. Kone, Z. Grech ( B. Kristensen 60′), L. Bravo, F. Apap, D. Santos, J. Grech, D. Vella, A. Diakite ( G. Mensah 85′), J . Degabriele, G. Artiles , Y. Muritala

FK RFS: P. Steinbors, P. Mareš, Z. Lipuscek, V. Jgodinskis, J. Vlalukin, E. Deocleciano, S. Panic, A. Jatta, Friesenbichler (D. Rakels 89′), A. Kouadio (E. Stuglis 82′), A. Ilić.

Imwissija: L. Bravo 50′, P. Mareš 53′, D. Vella 63′, A. Jatta 81′

Skorjaw: P. Mareš 45′, J. Grech 71′, A. Ilić 78′, A. Ilić 87′

Referee: Kateryna Monzul (UKR)

Assistenti Referees: Maryba Striletska (UKR) & Svitlana Grushko (UKR)

Sfortunament tintemm l-avventura ta’ Hibernians fil-UEFA Conference League meta fl-Istadium taċ-Ċentinarju huma sfaw megħluba mit-tim mill-Latvija FK RFS.

F’taqsima kwieta u kkontrollata tajjeb minn Hibernians, it-tim Pawlist spiċċa kkastigat b’penalty proprju qabel ma daħal għall-mistrieħ wara li f’għajnejn ir-referee Ukrena, il-plejer Llerna Bravo deher jolqot sieq Petr Mareš fil-kaxxa. Il-protesti ta’ Hibernians kienu inutli biex ftit minuti wara, mill-ħdax-il metru, l-istess plejer Mareš tefa’ l-goalkeeper Kone naħa u l-ballun naħa oħra.

Fit-tieni taqsima, Hibernians ħarġu mal-ewwel fuq l-offensiva fejn fis-46 minuta Jake Grech qabeż żewġ difensuri fil-kaxxa u xeħet kross fil-baxx, bil-konlużjoni ta’ Artiles għaddiet viċin. Fil-55 minuta Kone kien strumentali bejn il-lasti meta minn xutt devjat ta’ Friesenbichler, b’ħeffa kbira salva l-ballun minn fuq il-linja. Mas-siegħa logħob xutt imdawwar ta’ Dustan Vella minn barra l-kaxxa ħasad xi ftit lill-avversarji meta l-ballun għadda bi żbrixx minn mal-wieqfa. Mas-70 minuta logħob, il-partita ħadet xejra differenti meta Hibernians ingħataw penalty wara li d-difensur ta’ FK RFS miss il-ballun b’idu fil-kaxxa u l-plejer inkarigat mill-penalty Jake Grech ma falliex b’xutt b’saħħtu fin-nofs. Grech kompla jinsisti tant li ftit minuti wara xutt minn tiegħu mill-bogħod ġie mdawwar b’diffikultà f’corner. Kontra kull mistenni, fis-77 minuta FK RFS reġgħu marru fil-vantaġġ permezz ta’ xutt minn rebound ta’ Andrej Ilić. Fis-87 minuta Ilić għaqqad id-dopjetta personali wara li għadda tajjeb minn bejn id-difiża u b’xutt b’saħħtu għeleb għalkollox lil Kone.