Lokali

Il-qasam tas-saħħa issa “qed joħroġ id-demm” – Paul Pace

“Is-sitwazzjoni tal-infermieri f’pajjiżna tant ilha teħżien minn sena għal sena li issa sfortunatament qed tħalli effetti negattivi kemm fl-Isptar Mater Dei kif ukoll fid-Djar tal-Anzjani madwar Malta u Għawdex.

Sostna dan il-President tal-Unjin tal-Infermieri u l-Qwiebel Paul Pace f’intervista ma’ Net News hekk kif ġimgħa wara l-oħra qed tissokta l-kriżi li qed iħabbtu wiċċhom magħha l-infermieri u l-carers, b’nuqqas ta’ impjegati…għad-detriment tal-pazjenti.

Paul Pace insista li l-problema ewlenija tibqa’ l-paga baxxa u l-kundizzjonijiet fqar tax-xogħol li l-infermieri jispiċċaw jaffaċċjaw; sitwazzjoni xejn attraenti sabiex iż-żgħażagħ jidħlu f’dan is-settur.  Huwa saħaq li preżentament f’pajjiżna hawn bżonn tal-inqas 600 infermier.

Paul Pace spjega li minkejja li f’dan is-settur għandna influss qawwi ta’ ħaddiema barranin xorta waħda għandna problema kbira ta’ nuqqas ta’ infermieri.

Iżda fl-istess waqt qed tinħoloq problema oħra…dik tal-lingwa …realta li fiha, skont Paul Pace, il-Gvern falla bil-kbir.

Dan kollu għad-detriment tal-anzjani li ma jkunux jistgħu jikkomunikaw sew.

Għaldaqstant Paul Pace insista li issa qed jispiċċa jsofri l-konsegwenzi kemm l-anzjan u l-marid kif ukoll l-ħaddiem….u dan kollu minħabba nuqqas ta’ azzjoni minn naħa tal-Gvern.