Atletika Sport

James Sciriha u Rachel Borg rebbieħa tal-BSJ 5k Road Running

Is-serje ta’ tliet tlielaq imtella’ minn Birkirkara St Joseph Sports Club bejn ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu waslet għall-finali nhar it-Tlieta filgħaxija fuq l-Imtarfa by Pass. It-tellieqa annwali tas-sajf, li rritornat wara assenza ta’ sena, ipprovdiet tlielaq mimlija tattiċi mit-tliet atletli li kienu qegħdin fuq quddiem biex jirbħu s-Series.  

Kif wieħed kien qed jistenna James Sciriha, Aaron Mifsud, Mario Grech kienu qed jikkompetu għar-rebħa fil-ġurnata għalkemm il-preżenza ta’ Matthew Xuereb ma għaddietx inosservata u ma kellhiex tiġi sottovalutata.

Wara l-ewwel dawra Mifsud u Sciriha kienu għonq ma’ għonq, b’Xuereb u Grech warajhom. Il-pożizzjonijiet inbidlu ftit wara l-ewwel dawra meta Sciriha ħa postu fuq quddiem biex jnaqqas distakk bejnu u bejn Mifsud. Dawn il-pożizzjonijiet inżammu sal-aħħar meta Sciriha kien l-ewwel spiċċa t-tellieqa u fil-proċess rebaħ s-Serje wkoll. Warajhom, id-distakk bejn Xuereb u Grech kien tkabbar, b’Xuereb jieħu vantaġġ fuq Grech, madankollu fl-aħħar metri tal-aħħar dawra spinta minn Grech rawh jgħaddi lil Xuereb biex spiċċa fit-tielet post.

Rachel Borg, rebbieħa tat-tellieqa ta’ qabel, marret fuq quddiem mill-bidu. Marija Cumbo li wkoll kellha post fuq il-podju fit-tieni tellieqa kienet wara Borg, filwaqt li Francesca Arrigo kienet warajhom biex tieħu postha fuq il-podju. Ma kien hemm l-ebda tibdil f’dawn il-pożizzjonijiet matul it-tellieqa b’Borg tispiċċa tirbaħ it-tellieqa u s-Serje.

It-trofej lir-rebbieħa ġenerali u tal-Age Group ġew ippreżentati mill-President tal-Club Ray Grech li wera s-sodisfazzjon tiegħu li din is-serje saret għal darb’oħra. “Din it-tellieqa hija popolari fost l-atleti, minkejja li hija off season u l-parteċipazzjoni wriet li l-komunità kienet tilfet dan l-appuntament annwali fl-Imtarfa”.

L-impenji fid-dixxiplina tal-atletika tal-Club se jerġgħu lura fil-25 ta’ Novembru meta ssir il-Malta International Challenge Marathon.

Eurosport BSJ 5k Road Running Series – Riżultati Ġenerali

 IrġielNisa
L-EwwelJames ScirihaRachel Borg
It-TieniAaron MifsudMarija Cumbo
It-TieletMario GrechFrancesca Arrigo