Lokali

Jittajjar minn karozza waqt ġlieda ma’ żewġ persuni

Pollakk ta’ 27 sena ttajjar minn karozza waqt ġlieda f’San Ġwann.

Ir-raġel spiċċa l-isptar wara li lbieraħ filgħaxija għall-ħabta tad-9.30pm kellu argument ma’ żewġ persuni.

L-argument seħħ fi Triq il-Gallina, San Ġwann.

Malli saru jafu bil-ġlieda, il-Pulizija marru fil-post fejn mill-ewwel stħarriġ irriżulta li l-Pollakk kien involut fi ġlieda ma’ żewġ persuni li kienu laħqu ħarbu bir-Renault Zoe li allegatament tajruh biha.

L-identità taż-żewġ allegati aggressuri għadha mhix magħrufa.

Fil-post tal-inċident wasal ukoll tim mediku u ambulanza li ħadet lir-raġel l-isptar Mater Dei fejn hemmhekk ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.