Internazzjonali

Korea ta’ Fuq: Tiżvela li Kim Jong-un kien marad bil-Covid

Oħt il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq komunista qed tidher li ‘kixfet’ il-fatt li Kim Jong-un kien marad bil-Covid fl-aħħar jiem — u meta hi sostniet li ħuha ‘kien affettwat bid-deni matul il-pandemija’.

Kim Yo-jong hi waħda mill-aktar uffiċjali influwenti fil-Korea komunista waqt li hi wkoll konsulenta ewlenija għal Kim Jong-un.

Intant, kliema qed jitqiesu bħala ‘l-ewwel suġġeriment’ li Kim Jong-un kien marad bil-Covid-19 wara li l-Korea ta’ Fuq ħabbret ‘l-ewwel każi tal-virus (fl-artijiet tagħha) f’Mejju li għadda.

Il-Korea ta’ Fuq, fl-aħħar ġimgħat, irrappurtat xi każi tal-imwiet mill-Covid iżda hemm dubji dwar kemm l-informazzjoni dwar l-impatt tal-virus fil-pajjiż hi preċiża – speċjalment fir-rigward tad-data dwar l-imwiet.

Sadanittant, Kim Jong-un  iddikjara li ‘il-Korea ta’ Fuq rebħet il-battalja kontra l-Covid’ – b’oħtu, imbagħad, twaħħal fil-Korea t’Isfel bħala l-kaġun tal-pandemija f’artha.

Hi sostniet li l-Korea t’Isfel kienet bagħtet ‘il-bżieżaq bil-fuljetti kontaminati bil-Covid’ lejn in-naħa l-oħra tal-fruntiera – bil-kelliema f’Seoul ifissru l-akkużi ta’ Kim Yo-jong bħala mingħajr bażi.