Lokali

L-Air Malta se tingħalaq kompletament?

Waqt li l-ħaddiema tal-Air Malta li huma membri tal-GWU kienu qed jivvutaw dwar il-ftehim il-ġdid wara li falla l-ftehim oriġinali tal-Gvern… artiklu f’The Shift News ħabbar li għaddejjin negozjati minn taħt biex l-Air Malta tingħalaq. Bil-Gvern ta’ Robert Abela jibqa’ fommu sieket dwar dan kollu.

Net News mar il-Ministeru tal-Finanzi jfittex lill-Ministru Clyde Caruana li hu responsabbli mil-linja nazzjonali – iżda xi n-nofs siegħa, il-ħaddiema tal-Ministeru qalulna li Caruana ma kienx hemm, imma li kellu jidħol għal laqgħa mal-unions fis-1.30pn.

Stennejna siegħa u fis-1,30pm erġajna dħalna nsaqsu għal Clyde Caruana, imma l-Ministru ma kien jidher imkien.

Lejliet il-jum li kellu jara l-ħaddiema li applikaw għall-iskema tal-Gvern jiġu rrilokati kollha f’impjiegi oħra, l-istess ħaddiema li applikaw kellhom jivvutaw fuq ftehim ġdid. Dan wara li l-Gvern falla milli jżomm kelmtu magħhom.

Il-maggoranza tal-haddiema, membri tal-GWU, ivvutaw favur dan it-tieni ftehim mal-Gvern.

Permezz ta’ dan il-ftehim, issa l-impjegati se jkunu qed jestendu l-ħidma tagħhom mal-Air Malta sal-31 ta’ Diċembru bil-kundizzjoni li jieħdu magħhom it-take home pay li kienet miftehma fil-ftehim oriġinali ta’ Frar li għadda.

Somom għall-irtirar volontarju ġew riveduti ‘l fuq ukoll biex ħaddiema li jagħżlu li jirtiraw mill-impjieg ser ikun qed jieħdu somom ta’ bejn €40,000 u €240,000 kull wieħed.

Id-destin tal-linja nazzjonali ilu imdendel is-snin.

Fl-2012, Gvern Nazzjonalista kien irnexxielu jikseb l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropoea għal pjan ta’ risrtutturar ta’ €130 miljun li kellu jgħin lil Air Malta terġa tqum fuq saqajha.

Iżda sal-2017, il-Gvern Laburista li kien ilu fit-tmexxija erba’ snin… kien diġà qed jitkellem fuq l-għeluq tal-Air Malta.

Il-Ministru Konrad Mizzi… dak iż-żmien Ministu tat-Turiżmu….kien qal li kien fiducjuz li bl-għajnuna ta’ kulħadd il-linja tal-ajru setgħet tiġi salvata… madankollu qal li jekk le kellu ‘plan B’ li jagħlaq l-Air Malta u jiftaħ linja li sservi lil pajjiżna li tkun qisha tqarreb aktar lejn servizz low cost.

Illum… ħames snin wara… il-qasba qed terġa’ ċċaqċaq fuq l-Air Malta. Aħbar li tista’ tfisser problemi kbar għal pajjiżna kif qalu fl-aħħar jiem kemm il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg, u anke l-President tal-MHRA Tony Zahra…illi semmew kemm huwa krucjali li nzommu l-linja nazzjonali tal-ajru.