Lokali Qorti

Liberat bil-kundizzjoni wara li ta fastidju lill-eks sieħba tiegħu

Raġel li kontinwament isegwi lill-eks sieħba tiegħu barra d-dar u l-post tax-xogħol tagħha ġie li lliberat bil-kundizzjoni wara li ammetta li fastidjaha. Ir-raġel ta’ 41 sena residenti Ħ’Attard, li ismu qed jinżamm biex tiġi ssalvagwardjata l-identità tal-vittma, spiċċa ħażin wara li ġie rrappurtat lill-pulizija talli fastidju u lill-mara bil-mod kif kien qed jaġixxi fil-konfront tagħha.

Huma kienu ilhom f’relazzjoni ta’ 12-il sena. Wara li nfirdu, r-raġel allegatament baqa’ jippersisti billi jgħaddi minn ħdejn ir-residenza tal-mara diversi drabi kuljum u kultant ukoll imur barra l-post tax-xogħol tagħha. Imġieba bħal din allegatament kienet tammonta għal dak li jissejjaħ ‘stalking’.

Is-suspettat ġie arrestat u tressaq il-Qorti u ffaċċa akkużi ta’ fastidju u użu ħażin ta’ tagħmir ta’ komunikazzjoni elettronika kif ukoll li naqas milli jobdi ordnijiet leġittimi tal-Pulizija. L-akkużat irreġistra ammissjoni u fid-dawl ta’ ammissjoni bikrija u wara li semgħet sottomissjonijiet miż-żewġ partijiet il-Qorti, ppreseduta mill-Maġistrat Monica Vella, iddikjarat lir-raġel ħati u ħelsitu bil-kondizzjoni li ma jwettaq reat ieħor għal żmien sena.

Il-Qorti poġġiet ukoll lir-raġel taħt ordni ta’ trażżin kif ukoll ordni ta’ trattament. L-Ispettur Omar Zammit mexxa l-prosekuzzjoni. L-Avukat Martin Fenech kien l-avukat difensur tar-raġel.