Internazzjonali

Russja-Ukrajna: Il-bażi tal-ajru tar-Russi fil-Krimea ġarrbet il-ħsarat estensivi mill-isplużjonijiet tat-Tlieta

Minkejja li r-Russja qed tipprova timminimizza l-impatt tal-aħħar splużjonijiet fil-bażi tal-ajru tagħha fil-Krimea, l-immaġni tas-satellita qegħdin jindikaw ħsarat estensiva f’dik il-bażi – minbarra diversi ajruplani tal-gwerra meqruda.

Il-bażi ta’ Saky, fil-punent tal-Krimea – u li ntużat mill-qawwiet Russi għall-attakki fuq il-miri Ukreni – nhar it-Tlieta kienet suġġetta għal sensiela ta’ splużjonijiet, bl-Ukrajna ma toħroġ l-ebda stqarrija ta’ responsabbiltà.

Madankollu, id-data mis-satellita (permezz tal-kumpannija Planet Labs, ibbażata fl-Istati Uniti) tissuġġerixxi li l-bażi spiċċat mira għal ‘attakk preċiż u speċifiku’ fuq livell militari.

U għalkemm il-mitjar fil-bażi qed jidher ftit jew wisq intatt, mifhum li talanqas għaxar ajruplani tal-gwerra inqerdu jew (almenu) ġarrbu l-ħsarat estensivi b’riżultat tal-isplużjonijiet. Qed jidhru wkoll diversi craters ( ħofor) fl-inħawi u mhux eskluż li dawn jistgħu jtellfu l-tlugħ u l-inżul tal-ajruplani fil-bażi.

L-isplużjonijiet tat-Tlieta anki ħallew talanqas persuna mejta u l-osservaturi qed jaħsbu li l-gwerra fl-Ukrajna, ‘il quddiem, kapaċi tieħu dimensjoni ġdida jekk il-konflitt jibda jħalli impatt dirett fuq il-penisola tal-Krimea li r-Russja kienet ħatfet lill-Ukrajna fl-ewwel xhur tal-2014.

Min-naħa tiegħu, William Alberque, li jifforma parti mit-think tank IISS li jikkonċentra fuq l-aspetti ta’ difiża, qal li l-Ukrajna mgħandhiex it-tip ta’ missili meħtieġa għal dawn it-tipi ta’ attakk fuq il-bażi tal-Krimea.

Iżda Alberque saħaq ukoll li — f’każ li l-Ukrajna kienet tassew responsabbli mill-isplużjonijiet tat-Tlieta — hemm il-possibbiltà li ntużaw numru ta’ missili ‘modifikati’ tat-tip S-300 li s-soltu jintużaw għall-attakki surface-to-air inkella missili tat-tip Neptune għal kontra l-bastimenti.