Lokali

Se jkollna ċ-ċans ingawdu l-festi tal-Assunta mingħajr maltemp?

Ftit ġranet biss ‘il bogħod minn Santa Marija,  diversi lokalitajiet qed iżommu lura milli jarmaw bis-sħiħ it-toroq bil-libsa tal-festa hekk kif hemm biża’ li l-maltemp kapaċi jħarbat il-festi.

Dan qed iwassal biex l-irhula li jiccelebraw l-Assunta ma jistgħux igawdu l-festa kif pjanaw li se jaghmlu; ghaliex jekk jarmaw ikunu qed jissograw li jeqirdu l-opri tal-arti, id-drapp u l-injam li jsebbah it-toroq f’dawn il-ġranet.

Fil-fatt, f’numru ta’ lokalitajiet innotajna kif fil-maġġorparti l-istatwi ma tpoġġewx fuq il-kolonni u l-pedestalli, b’uħud li kienu laħqu ittellgħu kellhom  jitgħattew minnufih biex ma ssirx daqstant ħsara.

L-uniċi statwi li ttellgħu u ma tgħattewx huma dawk riċenti li saru mill-fiber, liema materjal ma jiġrilux ħsara bl-ilma. Madanakollu, diversi statwi, li uħud għandhom iktar minn mitt sena, se jkunu qed jitħallew għall-aħħar minuta biex jieħdu posthom.

Fil-Mosta, tkellimna ma’ Keith Cassar illi tana l-hsibijiet tieghu dwar din is-sitwazzjoni difficli.

Hu spjegalna kif il-ħalba xita li laqtet numru ta’ lokalitajiet l-Erbgħa waranofsinhar spiċċat affetwat in-nar tal-ajru u tal-art li kienu pjanati li jinħarqu dakinhar filgħaxija stess tant li ma setgħux jagħtu l-ispettaklu.

U biex tkun evitata sitwazzjoni simili, membri tas-Soċjetà Santa Marija tal-Imqabba qed jippreparaw mill-ahjar li jistghu.

L-istatwi kollha flimkien mal-pavaljuni fl-Imqabba u anke fil-Qrendi għadhom ma ntremawx għalissa hekk kif għas-sigħat li ġejjin mistennija maltempata oħra.

Fil-Qrendi, tkellimna mad-dilettanti tan-nar ta’ Santa Marija…li xorta baqghu ghaddejin bil-preparamenti fl-ghelieqi minn fejn jinharaq ix-xoghol pirotekniku.

Fil-15 t’Awwissu, huma seba’ irħula u tlett knejjes madwar Malta u Għawdex li jiċċelebraw il-festa ta’ Santa Marija. Dan apparti festi ohra li jsiru f’gieh l-Assunta il-Ħadd ta’ wara.

Ritratti: Martin Agius