Lokali

Skont il-Ministru Bartolo “It-turisti qed jieħdu esperjenza pożittiva”

Apoloġija…minghajr ebda soluzzjonijiet.

Din kienet ir-reazzjoni tal-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo meta mistoqsi dwar it-toroq, it-traffiku, it-tniġġis fl-arja u l-ħsejjes eżaġerati li f’dawn ix-xhur tas-sajf qed jilqgħu lit-turist f’Malta.

Bil-Ministru Bartolo….minflok refa’ responsabbiltà bħala membru tal-kabinett għal proġetti li qed isiru f’daqqa u jieħdu fit-tul…jaghzel li jfarfarha fuq Gvernijiet Nazzjonalisti ta’ 10 snin ilu.

Bħal kull sajf bosta huma dawk it-turisti li jiġu jżuru lil pajjiżna sabiex igawdu x-xemx, il-baħar, l-istorja u l-kultura li Malta taf toffri. Iżda fl-aħħar ġimgħat diversi kienu dawk li kkritikaw l-iżvilupp bla rażan li pajjiżna għaddej minnu…u r-rebus li qed jiddomina f’diversi zoni fejn inqalghu t-toroq f’daqqa. Dan apparti l-ħmieġ u t-telqa f’zoni turistiċi, u l-problema dejjem tikber tat-traffiku.

Fost dawk li ilmentaw b’saħħa kien hemm l-Assoċjazzjoni għal Min Iħaddem kif ukoll l-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu.
Filwaqt li l-Gvern Kanadiż qed javża lil dawk kollha li se jkunu qed iżuru lill-pajjiżna dwar l-istat prekarju li jinsabu fih it-toroq Maltin, inkluż il-konġestjoni qawwija ta’ traffiku…kif ukoll sewqan xejn dinjituż.

Intant, meta saqsejna lill-Ministru tat-Turiżmu dwar il-ftehim li l-Gvern estenda mal-klabb tal-football Ingliż, Manchester United huwa għażel li jżomm in-nefqa mistura – l-istess kif għamel fil-każ tal-Film Awards.