Sport Waterpolo

Sliema fil-finali tal-play-offs għar-rebħ tal-Kampjonat Premier b’wirja kollettiva … San Ġiljan jistennewhom

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Rapport: Stewart Said

SLIEMA FRANK SALT…………. 10

NEPTUNES VIDEOSLOTS…… 7

(2-3), (3-2), (3-1), (2-1)

Sliema Frank Salt jinsabu biss żewġ rebħiet biex jirbħu l-ewwel Kampjonat tas-Sajf mill-2009. Prestazzjoni pożittiva għall-plejers Slimiżi, bid-differenza prinċipali bejn it-tnejn tkun il-kollettiv, b’Neptunes jiddependu wisq fuq il-kwalitajiet ta’ Stevie Camilleri.

B’hekk fil-finali fuq l-aqwa minn tliet logħbiet, Sliema jilagħbu kontra San Ġiljan JP Projects, l-istess tim li għelbu biex din is-sena rebħu l-Enemed Cup u l-Kampjonat tax-Xitwa.

Neptunes komplew is-sensiela negattiva hekk kif issa tilfu l-aħħar erba’ konfronti diretti u żgur li d-deċiżjoni li jneħħu lil Jovan Popovic minn kowċ tat-tim ma ħallietx il-frott hekk kif minn dakinhar, Neptunes tilfu t-tliet logħbiet li kellhom.

Ir-ritorn għal ftit ħin ta’ Jordan Camilleri ma kienx biżżejjed biex jgħin lit-tim tiegħu, f’dak li jitqies bħala staġun deludenti hekk kif se jispiċċaw is-sena mingħajr unur.

L-istess bħal-logħba tat-Tlieta li għadda, Sliema fetħu l-aħjar u reġgħu kisbu vantaġġ ta’ 2-0 b’gowls ta’ Benji Cachia u penalty ta’ Dino Zammit. Reazzjoni minn Neptunes li sa tmiem l-ewwel sessjoni dawru r-riżultat b’doppjetta ta’ Stevie Camilleri u gowl bejniethom ta’ Sam Gialanze.

Jeremy Abela wera l-opportuniżmu tiegħu biex fit-tieni sessjoni għamilhom 4-2, b’Sliema jippruvaw darbtejn inaqqsu d-distakk sakemm Zach Mizzi ġab id-draw lejn tmiem is-sessjoni permezz ta’ backhand.

Neptunes reġgħu marru fil-vantaġġ fit-tielet sessjoni minn penalty ta’ Stevie Camilleri sakemm sofrew ir-rimonta Slimiża. John Brownrigg ġab id-draw minn man-up, Zach Mizzi ħasad lil Alan Borg Cole sabiex lejn tmiem is-sessjoni, Mark Meli għamilhom 8-6 b’xutt li kien imxellef.

Sliema aċċertaw mir-rebħa bil-gowls ta’ Liam Galea u Zach Mizzi meta kien għad fadal nofs sessjoni bir-raba’ gowl personali ta’ Camilleri jkun inutli biex isalva l-logħba.

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta, L. Galea (1), D. Rizzo, M. Meli (1), B. Cachia (1), J. Cutajar, M. Mifsud, J. Brownrigg (2), J. Gambin, Z. Mizzi (3), D. Zammit (2), A. Theuma, K. Borg

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat, S. Gialanze (1), G. Pace (1), J. Cachia, J. Spiteri Staines, S. Camilleri (4), J. Camilleri, J. Abela (1), M. Spiteri Staines, A. Fenech, M. Castillo, M. Rossi, M. Farrugia

Referees: Daniele Bianco, Massimo Angileri

Logħob li jmiss

Is-Sibt

L-Ewwel Diviżjoni (l-ewwel finali minn possibbiltà ta’ tlieta)

Marsaskala v Valletta 6.00pm

Kampjonat Premier (l-ewwel finali minn possibbiltà ta’ tlieta)

San Ġiljan v Neptunes 7.05pm